‘Hemm bżonn li titnaddaf il-politika Maltija’ – Dr Joseph Muscat

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat kompla jisħaq dwar l-importanza li titnaddaf il-politika f’Malta. Waqt laqgħa politika fir-Rabat ilbieraħ filgħaxija, huwa qal li dan jista’ jsir biss permezz ta Gvern Laburista fejn irrefera għall-kwistjoni li fiha hemm involut il-Ministru għall-Finanzi Tonio Fenech.

Dr Muscat qal li minkejja li l-Ministru Fenech kien qal li qatt ma ltaqa’ ma’ George Farrugia, ilbieraħ ammetta li ltaqa’ miegħu darbtejn, darba dwar tender tal-Enemalta, u darba d-dar tiegħu meta rċieva arloġġ. Il-Mexxej Laburista sostna li Tonio Fenech jaf li l-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri jgħid li ma jistax jiġu aċċettati rigali, anke jekk dawn ma jiswew xejn.

Semma kif dan kollu juri l-bżonn li titnaddaf l-politika f’Malta.

Intervjena wkoll l-amministratur finanzjarju tal-Partit Laburista Joe Cordina li huwa allegatament implikat fil-każ tax-xiri taż-żejt. Cordina qal li fil-jiem li ġejjin se jiftaħ libell kontra l-Ministru Tonio Fenech sabiex inaddaf ismu. Mistoqsi għalfejn irriżenja, Joe Cordina saħaq li ma riedx iħalli lill-Partit Nazzjonalista jinqeda bih sabiex fl-aħħar ħmistax tal-kampanja elettorali jtellef lill-Partit Laburista.

Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar il-potenzjali kbir li qal għandu Għawdex.