“Hemm bżonn li ma nipposponux iktar ir-riforma kostituzzjonali” – PD

Il-Partit Demokratiku qal li hemm bżonn li niġru t-tiġrija sal-aħħar u ma nipposponux iktar ir-riforma kostituzzjonali.

Fi stqarrija l-PD qal li r-riforma kostituzzjonali ilha tiġi posposta kemm mill-Partit Nazzjonalista u anke l-Partit Laburista. B’referenza għas-suġġerimenti tal-Kummissjoni Venezja, l-PD qal li l-konklużjonijiet tar-Rapport għandhom iservu bħala qafas għar-riforma kostituzzjonali u jittieħdu flimkien mar-rakkomandazzjonijet tal-passat tal-istess kummissjoni.

Sadanittant fi stqarrija separata l-moviment tas-soċjetà ċivili Repubblika qal li r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja jirrifletti t-tħassib li għandha Repubblka fuq in-nuqqas ta’ strutturi demokratiċi b’saħħithom f’Malta.

Skont Repubblika demokrazija ma tfissirx biss elezzjonijiet kull ftit snin, u saħaq li hemm bżonn ukoll strutturi kostituzzjonali li jassiguraw separazzjoni tal-poteri u sistema b’saħħitha ta’ kontrolli u bilanċi. Il-moviment żied jgħid li f’Malta wisq poter hu kkonċentrat f’idejn il-Prim Ministru, u dan iwassal għal sitwazzjoni li tagħti lok għal abbuż ta’ poter.