“Hemm bżonn li l-MEPs jiġbdu l-istess ħabel, kwalunkwe l-partit” – Il-PM

Il-Prim Ministru qal li irrispettivament minn liema partit politiku jirbaħ il-maġġoranza fl-elezzjonijiet li ġejjin, hemm bżonn li l-membri parlamentari Ewropej kollha f’isem Malta jiġbdu l-istess ħabel, jiddefendu l-interess nazzjonali u jattiraw l-investiment lejn Malta.

Dan waqt laqgħa mal-membri tal-Malta Business Bureau li ppreżentaw il-manifest għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bit-tema Business for Europe, Europe for Business.

Il-Prim Ministru indirizza kritika li rċieva l-Gvern mill-MEPs fil-leġiżlatura li għaddiet, u qal li stenna li l-MEPs jaġixxu b’mod sensibbli u koerenti.

Il-Prim Ministru qal li l-istituzzjonijiet Ewropej jinsabu f’salib it-toroq, għax huwa ċar li mexjin lejn il-protezzjoniżmu, li fit-tul hija kontroproduttiva. Qal li hemm bżonn ta’ politika li tippromwovi x-xogħol, tgħin lin-nies b’mod attiv u tqassam il-ġid bl-aħjar mod, peress li hemm ħafna li mhumiex ilaħħqu mal-ħajja. Temm jgħid li fil-Parlament Ewropew mistennija diskussjonijiet jaħarqu, fosthom dwar il-leave tal-ġenituri u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Business Bureau Simon De Cesare spjega l-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat in-negozju Malti fl-Unjoni Ewropea u li l-Membri Parlamentari Ewropej eletti jassiguraw u jimmassimizzaw r-riżorsi kollha.