“Hemm bżonn li l-għaqdiet sportivi jkunu innovattivi” – Dr Buontempo

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo sostna li biex ikunu sostenibbli, l-għaqdiet sportivi, jeħtieġ li jkunu innovattivi u jħarsu lejn metodi ġodda ta’ tmexxija u finanzjament tal-klabb tagħhom.

Meta kien qed jindirizza seminar annwali għan-nurseries tal-futbol, is-Segretarju Parlamentari sostna li l-Kunsill Malti għall-Isport se jkun qed jaħdem flimkien mal-Istitut Edward de Bono, fi ħdan l-Università ta’ Malta, biex b’hekk ikun hemm aktar kultura ta’ innovazzjoni fl-isport. Stefan Buontempo rringrazzja lill-klabbs u l-membri tal-kumitati għad-dedikazzjoni tagħhom b’mod speċjali fil-ħidma mat-tfal.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej Ian Borg qal li l-aċċess għal għaqdiet sportivi huwa wieħed limitat għax sfortunatament l-Unjoni Ewropea ma tqisx l-isport bhala wahda mill-prioritajiet tagħha. Ian Borg ħeġġeġ lill-amministratturi tal-klabbs biex meta jippreżentaw xi applikazzjoni għall-fondi Ewropej, jabbinawha ma’ waħda mill-prioritajiet tal-Unjoni Ewropea.

Ritratti: DOI – Jeremy Wonnacott