“Hemm bżonn laqgħa mal-Gvern dwar it-theddid legali ta’ Musayev” – IĠM

Read in English.

Il-midja lokali qed tirċievi ittri legali ta’ theddid biex jikkumpensaw lil Turab Musayev, li hu nvolut fil-kuntratt tal-wind farm ta’ Montenegro. L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) tikkundanna dan it-theddid li huwa azzjoni legali magħruf bħala SLAPP, u saħaq li hemm bżonn laqgħa mal-Gvern.

L-IĠM qed jitlob laqgħa urġenti mal-Gvern biex jinsab mod kif ir-raba’ pilastru tad-demokrazija, il-ġurnaliżmu, jista’ jkun protett minn theddid bħal dan. Il-kawża SLAPP tikkonsisti f’azzjoni legali li ssir biex tiċċensura, thedded jew twaqqaf ġurnalist billi tobbligahom bl-ispejjeż tad-difiża legali jekk ma jwaqqfux il-kritika u l-oppożizzjoni tagħhom.

Musayev hu l-kap ta’ Socar LNGTrading. Huwa inkixef bħala sid il-kumpanija Cifidex, li kienet involuta fil-kuntratt kontroversjali dwar il-wind farm ta’ Montenegro li fih hi nvoluta l-Enemalta. Ismu ssemma f’xiehda fil-Qorti fl-Inkjesta Pubblika li qed issir b’konnessjoni mal-assassinju ta Daphne Caruana Galizia. Dan ir-rappurtaġġ hu protett minn azzjonijiet legali.

Il-President il-ġdid tal-IĠM, Sylvana Debono, saħqet li dan it-theddid mhux aċċettabli f’pajjiż demokratiku, u li mhux se jintimida lill-ġurnalisti Maltin milli jfittxu l-verità. Żiedet tgħid li għall-ewwel darba, il-midja lokali ngħaqdet flimkien biex tikkundanna t-theddid bi SLAPP, u li l-Gvern għandu opportunità unika biex jappoġġja l-libertà tal-kelma.

L-ittri legali ta’ theddid intbagħtu lil Times of Malta, Malta Today, Malta Independent, Lovin Malta u s-Shift News bejn Mejju u Ġunju. L-ittri ntbagħtu mid-ditta tal-Avukati Atkons Thomson għan-nom tal-klijent tagħhom Turab Musayev.

Il-Moviment Graffitti jikkundanna l-iSLAPPs li rċeviet il-midja Maltija

Il-Moviment Graffitti kkundanna l-użu ta’ kawżi SLAPP (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika) li bihom qed jiġu mhedda ħames organizzazzjonijiet tal-midja Maltin wara li rrapportaw fuq l-iskandlu tal-wind farm fil-Montenegro.

Fi stqarrija l-Moviment Graffitti qal li dawn il-kawżi jammontaw għal attentati vili sabiex isikktu l-midja, u jmorru kontra l-etika ta’ demokrazija b’saħħitha.

“Dawn il-kawżi mhumiex kawżi maħsuba biex jintrebħu, iżda huma att ta’ intimidazzjoni bla skrupli bl-għan li jinkisbu rimedji sproporzjonati filwaqt li jintużaw ħafna metodi diversi biex jogħlew l-ispejjeż legali. Dawn il-kawżi jiġu miġġielda permezz tal-flus, mhux tal-integrità jew ir-raġuni,” qalet l-għaqda.

“Turab Musayev għandu ħafna x’jaħbi. Kien kodirettur tal-Electrogas sal-11 ta’ Diċembru 2020, ġimagħtejn biss wara li kodirettur ieħor, Yorgen Fenech, ġie arrestat f’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iktar minn dan, huwa s-sid tal-kumpanija tas-Seychelles li xtrat park eoliku fil-Montenegro u bigħetu lill-Enemalta għal tliet darbiet il-prezz oriġinali ġimgħa wara.

“Isem Musayev spiss jidher fil-midja minħabba skandli bħal dawn. Għalhekk, hu qabbad aġenzija legali mir-Renju Unit sabiex jibgħat ittri legali lill-organizzazzjonijiet tal-midja Maltin u jheddidhom b’kawżi fil-qrati Ingliżi,” qal il-Moviment Graffitti.

Temmet tgħid li l-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni qatt ma għandhom jiġu limitati mir-riżorsi finanzjarji tal-persuna li dwarha qed isir ir-rapportaġġ.

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger