“Hemm bżonn imħabba għall-ilsien Malti” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-poplu Malti jrid ikollu imħabba għall-Ilsien Malti u saħqet dwar il-bżonn li l-Innu Malti jiġi kantat.
Fil-Palazz Verdala, il-President ta’ Malta nediet żewġ cartoons bil-Malti ta’ żewġ ħrejjef magħrufa mat-tfal li huma ‘Il-Ħwejjeġ tal-Imperatur’ u ‘Is-Sbejħa Rieqda’.
Marie-Louise Coleiro Preca faħħret din l-inizjattiva favur il-bilingwiżmu u l-importanza tal-ilsien Malti.
Qalet li din il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti u l-għaqda Write Deal turi biċ-ċar kif proġett bi sforz ta’ tim jista’ jirnexxi u jiġi implimentat malajr.
Saħqet dwar l-importanza tal-valuri li dawn iż-żewġ ħrejjef iwasslu.
Il-ħrafa tal-‘Ħwejjeġ tal-Imperatur’ twassal messaġġ li ħadd ma għandu jiġi iġġudikat fuq bażi tan-nazzjonalità jew minħabba kulur ta’ ġilda differenti.
Il-ħrafa tas-‘Sbejħa Rieqda’ twassal messaġġ ta’ ugwaljanza, li kulħadd huwa kapaċi jasal għas-suċċess tiegħu. Tagħti messaġġ ukoll ta’ empowerment lill-bniet.
Il-President ta’ Malta qalet li dawn huma messaġġi importanti ta’ valuri soċjali li jeħtieġ li jiġu mrawma u msaħħa fis-soċjetà Maltija.
Il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Malti, il-Professur Ray Fabri ħeġġeġ lill-ġenituri biex kemm jista’ jkun jużaw il-Malti mat-tfal.

Ritratti: DOI – Reuben Piscopo