Awdjo: Hemm bżonn €6 miljun biex jittranġaw l-Arkivji Nazzjonali

Hemm bżonn ta’ sitt miljun ewro biex jitranġa l-istat diżastruż li fih jinsabu l-Arkivji Nazzjonali. Dan qalitu Dr Joan Abela meta waqt żjara li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat f’dan l-istess bini, hija tat deskrizzjoni tad-dokumenti u kitbiet antiki li jinsabu fi stat dilapitat. Hija ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda li ġġib mistħija fuq l-istorja ta’ Malta.

Fost dokumenti storiċi importanti li jinsabu f’dan il-bini fil-Belt Valletta, hemm it-testmenti ta’ Ġilormu Cassar u ta’ Dun Mikiel Scerri. Ma’ dawn id-dokumenti hemm ukoll il-Kantilena, l-ewwel kitba bil-Malti.

Dr Abela wriet anke kitbiet li jirreferu għal Malta bħala ċentru tat-traffikar tal-persuni. Hawn, il-Prim Ministru dlonk qal li “ma tantx inbiddlu l-affarijiet”.

Dr Joan Abela u l-volontiera, grazzi anke għal bosta sponsors, se jkunu qed jippruvaw iġibu fondi mill-Unjoni Ewropea. Jekk dawn il-fondi jiġu approvati, allura l-proġett jista’ jibda jieħu forma mis-sena 2015.

Waqt din iż-żjara kien hemm preżenti ukoll il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamenti għall-ġustizzja, Owen Bonniċi. Il-Prim Ministru iltaqa’ ukoll man-numru ta’ volontiera li kienu qed jaħdmu f’dawn l-istess arkivji.

Fil-kelmtejn lill-ġurnalisti, Dr Muscat saħaq li filwaqt li jfaħħar il-volontarjat li qed isir f’dan il-post, hemm bżonn issa li l-Gvern jagħti sehmu. Huwa rringrazzja lil Dr Joan Abela tax-xogħol bla waqfien li tagħmel filwaqt li wiegħed l-appoġġ tal-Gvern.