“Hemm bżonn entità li tikkumbatti l-kriminalità organizzata” – PD

Il-Partit Demokratiku poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra Mozzjoni Privata bit-titlu ‘Inroddu ġieħ lil Malta’ biex tiġi stabbilita entità internazzjonali li tikkumbatti l-kriminalità organizzata fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Huma saħqu li b’hekk, dan ikun skont il-mudell u l-preċedent stabbilit mill-Kummissjoni Internazzjonali Kontra l-Impunità fil-Gwatemala. Komplew jgħidu li dan għax hemm bżonn li din l-entità tingħata r-responsabbiltà sabiex tmexxi u tikkordina l-investigazzjonijiet fir-reġjun u biex tressaq individwi fil-qrati, involuti jew kompliċi mal-kriminalità organizzata,  jekk hemm bżonn f’Malta.

Il-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia saħaq li din l-entità hemm bżonnha minħabba it-traffikar tan-nies u l-kuntrabandu tal-fjuwil Libjan li għadu għaddej, u li minkejja l-arresti li saru fil-Libja u fl-Italja, ma saru l-ebda f’Malta relatati mal-każ. Żied jgħid li hemm bżonn li jsiru investigazzjonijiet dettaljati u independenti dwar il-konnessjonijiet Maltin mal-kartell internazzjonali tal-kuntrabandu tal-fuel.

Dan wara li fl-Italja, kien hemm diversi arresti relatati mat-traffikar ta’ 29 miljun litru ta’ fjuwil li kien qed jinbigħ bi prezz kompetittiv peress li kienet qed tiġi evitata t-taxxa. Malta kienet involuta f’dan it-traffikar.