“Hemm bżonn aktar aċċessibilità” – Il-MPE Marlene Mizzi

Il-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi qalet li “lkoll kemm aħna ħaqqna opportunitajiet indaqs.” Sostniet li “rridu naħdmu bis-sħiħ biex niftħu l-bieb tal-opportunitajiet għal kulħadd, għal kull membru fis-soċjetà”.
Il-konferenza pubblika ġiet organizzata ilbieraħ bit-tema “L-aċċessibilità mingħajr diskriminazzjoni” bl-appoġġ tal-grupp S&D tal-Parlament Ewropew l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD).
Għadd ta’ stakeholdersħaddiema taċ-ċivil u organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili attendew u pparteċipaw fil-konferenza.
L-għan tagħha kien li jitqajjem għarfien dwar l-importanza tal-aċċessibilità fil-ħajja ta’ kuljum ta’ miljuni ta’ individwi, speċjalment persuni b’diżabbiltà.
Il-MPE Marlene Mizzi tkellmet dwar kif ħafna persuni għadhom iddiskriminati sal-ġurnata tal-lum. Hija semmiet il-ħidma tagħha f’diversi kumitati u gruppi u anke dik li qiegħda ssir fil-Parlament Ewropew fuq aċċessibilità. Mizzi enfasizzat li l-politiċi jridu jħarsu d-drittijiet ta’ kull persuna u jaraw li l-persuni b’diżabilità jkollhom opportunitajiet daqs kulħadd.
Fost il-kelliema f’din il-konferenza kien hemm qbil li għalkemm diġà sar ħafna xogħol fuq dan il-qasam, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropew, dan għadu mhux biżżejjed.