“Hemm bosta għemejjel koroh li jagħmluna ‘annimali’”- L-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li meta l-bniedem jagħmel ħwejjeġ li ma jixirqulux, b’ton dispreġġjattiv hemm min isejjaħlu “annimal”. Sostna li hemm diversi għemejjel koroh li sfortunatament jistgħu jpoġġu lill-bniedem fil-kategorija tal-“annimali”.

Dan qalu fl-Omelija tal-Quddiesa ta’ Nofsilllejl tal-Milied li saret fil-Katidral tal-Assunta, ir-Rabat Għawdex. Mons. Grech sostna li bniedem jissejjaħ “annimal” meta ma jirraġunax, iħalli l-egoiżmu jaħkmu, isir bla qalb, konxjament jagħmel l-inġustizzji, jigdeb u jħalli l-passjonijiet imexxuh. Irrefera għal dak li kiteb San Ċirillu ta’ Lixandra u sostna li Ġesù tarbija twieled f’maxtura propju għax sab li l-bnedmin kienu waqgħu fil-livell tal-annimali.

Spjega li tul iż-żmien il-maxtura bdiet tidher li għandha rabta mad-dnub u għalhekk il-Missirijiet tal-Knisja jgħallmu li bħall-annimal li dejjem jirritorna għall-ikel fil-maxtura, hekk il-bniedem jirritorna għad-dnub. Qal li l-bniedem ifittex il-maxtura għaliex huwa dgħajjef u għalhekk meta Alla ried jiltaqa’ mal-bniedem, huwa mar ifittxu fil-maxtura “għax jaf li fil-bniedem hemm x’jimbuttah biex jersaq lejha”.

Mons. Grech sostna li fil-lejl tal-Milied, dawk li d-dinja tgħajjarhom u li huma “annimali” u twarrabhom, huma imsejjħa biex jinġabru madwar il-maxtura, mhux biex jieklu l-ħaxix ħażin, imma l-ħobż li jagħtihom il-ħajja. Insista li “Milied bla maxtura mhux Milied. Presepju mingħajr maxtura mhux presepju.” L-Isqof kompla jgħid li Ġesù twieled biex jitqiegħed f’maxtura u jekk il-bniedem jixtieq it-twelid tiegħu mela hemm bżonn li tinstablu maxtura.

Temm l-omelija billi għamel talba lil Marija biex, “misjuqa mill-għożża u l-ħlewwa materna tagħha, illum ukoll hija tmidd lil Ġesù tarbija fil-maxtura tagħna biex din tinbidel u, flok maxtura kollha tajn, issir trin tal-glorja tiegħu fostna.”