Hemm arloġġi oħra tal-€20 elf; naf fejn huma – Muscat

Read in English.

Il-PM Joseph Muscat qal li hemm arloġġi oħra bħal dak li ngħata hu li jiswa mal-€20,000. Żied jgħid li jaf għand min huma, però ma riedx jixkef l-ismijiet.

Dan qalu waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-PL One Radio.

Muscat qal li ħafna nies tkellmu dwar l-arloġġ li ngħata minn Yorgen Fenech bħala rigal. Fenech jinsab akkużat li kien kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Muscat qal li ħalla dan l-arloġġ lill-istat Malti.

“Ta’ ħaddieħor fejn hu?” staqsa Muscat li kompla jgħid li kien hemm 25 arloġġ b’kollox. Però Muscat qal ukoll li mhux qed jimplika li hemm xi Prim Ministri ta’ qablu li mxew b’mod skorrett.

“L-arloġġ numru wieħed naf eżatt għand min qiegħed u fejn qiegħed. Jidhirli li ma tħalla l-ebda wieħed,” qal Muscat li żied jgħid li żgur mhux qiegħed f’Kastilja jew f’xi reġistru.

Skont Muscat l-arloġġi ngħataw “lil min daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea” fl-2004 u li nżammu xi wħud minnhom.

Reġa’ qal li jaf fejn huma arloġġi oħra imma li se jħalli lil nies oħra biex jgħidu dan.

“Il-każ issolva” – Muscat dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia

Muscat tkellem ukoll dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Qal li dan issolva taħt ir-responsabilità tiegħu. Qal ukoll li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.

Fakkar li s’issa hemm erba’ persuni l-Qorti b’rabta mad-delitt. Qal li tkun il-Qorti li tiddeċiedi jekk humiex ħatja jew le.

Muscat qal li hu għamel dmiru u li huwa kburi li għamel hekk. Qal ukoll li mexa mal-paritit tal-Avukat Ġenerali, tal-Kummissarju tal-Pulizija, u tas-Servizzi Sigrieti. Spjega li għalkemm irċieva theddid xorta għamel li kellu jagħmel.

Rigali statali

Muscat tkellem ukoll fuq il-kwistjoni li qamet dwar rigali statali.

Newsbook.com.mt ilbieraħ qal li qed jippubblika r-reġistru tar-rigali li jagħti tagħrif dwar rigali li rċevew Prim Ministri Nazzjonalisti. Il-Gvern qed jinsisti li dan id-dokument jinkludi biss rigali mogħtija direttament lill-istat Malti u mhux rigali li jkunu ngħataw lill-prim ministru.

“Lanqas il-lapes li bih kitbu r-reġistru ma sibna,” qal Muscat li l-midja kienet qed tilgħab bil-kliem. Żied jgħid li kien hemm postijiet fejn lanqas kikkra ma sabu.

Qal li m’hemmx lista tar-rigali li rċevew il-prim ministri. “Ikkonfermajtha jien u kkonfermaha s-segretarju prinċipali taċ-ċivil,” qal Muscat. Reġa’ tenna li se jkun qed jagħti rendikont tal-affarijiet li se jkun qed iħalli.

L-aħħar diskors ta’ Muscat bħala PM

Muscat ġie mistoqsi dwar l-aħħar diskors li mistenni jagħmel f’din il-kariga fl-10 ta’ Jannar.

Qal li se jkun qed jitkellem fuq dak li għamel, dak li se jagħmel hu, u dak li jixtieq jara li l-pajjiż jagħmel. Esprima fiduċja sħiħa f’min se jkun qed imexxi l-PL u ħeġġeġ lin-nies jivvutaw fil-11 ta’ Jannar.

Muscat qal li bil-kontra ta’ kif isir f’postijiet oħra, l-elezzjoni interna tal-PL se tkun qed tgħaqqad minflok tifred.

Qtugħ tad-dawl: Sitwazzjoni li turi kemm konna bilgħaqal – Muscat

Muscat tkellem ukoll dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-qutgħ tad-dawl f’Malta.

Qal li s-sitwazzjoni turi kemm kien bilgħaqal il-Gvern tiegħu. Qal li ġara xi ħaġa fl-interconnector u li s-survey dwaru jkun lest sat-8 ta’ Jannar.

Spjega li kieku żammew is-sitwazzjoni tal-2013 bl-interconnector biss kien ikun ifisser li l-problema tkun ta’ qtugħ ta’ dawl ta’ tliet ġimgħat jew inkella l-użu tal-powerstation tal-Marsa.

Skont Muscat huwa importanti li Malta għandha taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija.

Waqt l-intervista li saritlu llum Muscat tkellem ukoll dwar is-surplus ta’ Malta. Qal li huwa ċert li PM Laburist dejjem se jieħu ħsieb flus Malta.