“Hemm affarijiet li għal ħafna minnkom m’huma xejn; apprezzaw li għandkom” – Jeanesse Abela

Jeanesse Abela – Facebook

“Kemm nixtieq nimxi, imma xorta nista’ nimxi bis-siġġu tar-roti; kemm nixtieq nitkellem ċar imma xorta nista’ nikkommunika; dawn huma affarijiet li għal ħafna minnkom m’huma xejn imma għalija jfissru ħafna.”

Dawn kienu kliem Jeanesse Abela, mara b’diżabbiltà li kontinwament tissielet sabiex turi lis-soċjetà li ħadd m’għandu jwarrab persuni bħalha. Fuq Facebook, hi wasslet messaġġ ta’ apprezzament għal dak kollu li għandha, għax minkejja d-diżabbiltà, xorta tgawdi l-ħajja bħal ħaddieħor.

Spjegat li tixtieq titħallat iżjed ma’ sħabha imma xorta għandha l-ħbieb u li tixtieq tagħmel  affarijiet bażiċi u toħroġ waħedha, imma xorta tkun moqdija b’xi mod. Temmet il-messaġġ tagħha billi qalet li kulħadd għandu japprezza dak li għandu, u mhux ifittex dak li m’għandux.

“Nuri min jien għax kburija li wasalt fejn kelli nasal” 

Fuq Facebook, Jeanesse sostniet li turi min hi għax kubrija li waslet fejn kellha tasal minkejja l-uġigħ u n-nuqqas ta’ mobilità. Żiedet li hi tħobb tagħti l-kuraġġ lil kull min isegwiha.

Aqra: “Allaħares ommi għamlet abort” – Jeanesse

Il-ġurnata ta’ Jeanesse hija waħda tipika. Taħdem bħal kull persuna oħra, toħroġ ma’ sħabha, u tgawdi l-ħajja. Hija wkoll iżżomm ruħha attiva fis-soċjetà u sabiex tagħti sapport lin-nies bħala, flimkien ma’ persuni oħra, kienet waqqfet l-għaqda L.A.N.D. li toffri post lil persuni b’diżabilità fiżika biex jiltaqgħu u jissoċjalizzaw.

Filwaqt li taf li għandha l-limitazzjonijiet tagħha u li għandha bżonn ammont ta’ għajnuna minn persuni oħra sabiex tkun tista’ tkompli b’ħajjitha, Jeanesse tidher determinata li qatt mhi se taqta’ qalbha milli tkompli turi lil kulħadd kemm persuni b’diżabbiltà kapaċi jaslu fil-ħajja.

Jekk tixtieq tagħmel kuntatt ma’ Jeanesse u tisma’ u tara l-esperjenzi tagħha tista’ tingħaqad mal-grupp li ħolqot fuq Facebook bl-isem ta’ Janna’s Club.