Ħelsien mill-arrest wara akkużi ta’ ħsara aggravata

Fil-Qorti ta’ Għawdex Libjan ta’ 40 sena tressaq il-Qorti taħt diversi akkużi fosthom li allegatament huwa kkaġuna ħsara ta’ natura gravi fuq ġisem jew is-saħħa ta’ persuna oħra

Kien akkużat ukoll li saq vettura b’mod traskurat, bla kont u perikoluż, ġarr strument li jaqta’ bil-ponta mingħajr liċenzja jew permess tal-pulizija, għamel delitt kontra persuna oħra, kif ukoll talli mingħajr ma darab jew sawwat qabad armi kontra n-nies. Huwa kien akkużat li kiser il-paċi pubblika, ħebb, inġurja jew hedded persuna oħra.

Il-Libjan kien akkużat ukoll li fil-gżejjer Maltin huwa kellu fil-pussess tiegħu r-raża tal-kannabis u sar reċediv.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi u ngħata l-libertà taħt diversi kundizzjonijiet u ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.