Ħelsien mill-arrest għat-2 li ħadmu n-nar illegalment

Iż-żewġt irġiel li ġew arrestati wara li allegatament kienu qed jaħdmu n-nar f’għalqa b’mod illegali ngħataw il-libertà proviżorja.

Fil-Qorti llum nstema’ kif iż-żewġt irġiel ta’ 69 u 67 sena mill-Gudja u minn Raħal il-Ġdid rispettivament talbu għall-ħelsien mill-arrest għax ma kellhomx passaport. Huma ġew arrestati lbieraħ wara li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm xi persuni li kienu qed jaħdmu n-nar b’mod illegali f’għalqa fi triq l-Għellejel, il-Gudja.

Il-Pulizija qalet li fl-għalqa msemmija nstabu xi annimali. Id-difiża spejgat li kienet għalqa li tinħadem b’mod normali u li l-akkużati jridu jmorru hemm biex jaħdmu l-għalqa u jitimgħu l-annimali. Il-prosekuzzjoni talbet biex jekk jinstab li l-għalqa mhix tal-akkużati, dawn jingħataw multa bejn €10,000 u €60,000 jekk ikunu ħatja. Jekk tkun tagħhom, il-Qorti ntalbet tikkonfiska l-għalqa favur il-Gvern f’każ ta’ ħtija.

Iż-żewġt irġiel iridu jiffirmaw darba f’Ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija, fost kundizzjonijiet oħra. Ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €8,000.