Ħelsien mill-arrest għas-sewwieq li tajjar tifel f’Pembroke

Raġel ta’ 38 sena mit-Turkija residenti San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti akkużat li tajjar u qatel b’mod involontarju lil Rodwan Aghil, it-tifel Libjan ta’ għaxar snin, li nhar is-Sibt li għadda kien qed jaqsam it-triq f’Pembroke.
Fatih Pancar wieġeb mhux ħati li kkaġuna l-mewt tat-tifel, minħabba traskuraġni, sewqan perikoluż u veloċità eċċessiva.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000.
Il-Qorti ordnat lil Pancar li ma jistax jitlaq mill-pajjiż u lanqas ma javviċina jew ikellem lix-xhieda fil-każ. Irid jiffirma wkoll fl-għassa min-nhar ta’ Tnejn sal-Ġimgħa.
It-tifel ittajjar nhar is-Sibt waranofsinhar, meta kien qed jaqsam minn ħdejn il-grawnd tal-Luxol għall-ħabta tat-3.30pm.