Ħelsien mill-arrest għar-raġel li ħebb għal 2 pulizija

Luke Zerafa

Raġel ta’ 34 sena tressaq il-Qorti wara li fil-15 ta’ Settembru li għadda ħebb għal żewġ Pulizija. L-akkużat twaqqaf mill-Pulizija barra l-mini ta’ San Ġiljan. Fil-Qorti r-raġel qal li huwa nfixel minħabba li wieħed mill-Pulizija kien qed ipejjep sigarett waqt li kien dieħel fil-karozza tiegħu, Alfa Romeo.

Wara li waqqfuh, il-Pulizija skoprew li r-raġel kien qed isuq mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni. Għalhekk il-Pulizija ordnaw li l-karozza tiġi rmunkata.

Il-Pulizija spjega li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.30pm, fil-15 ta’ Settembru. Żied li għal bidu r-raġel kie7n qed jikkopera mal-Pulizija madankollu huwa ġie aġitat wara li għamlu madwar 45 minuta jistennew it-trakk tal-irmunkaġġ jasal. L-akkużat beda jgħid lill-Pulizija ‘Stennew u taraw. Issa ngħidilkom jien min jien.’

L-avukati tad-difiża qalu li s-sitwazzjoni eskalat hekk kif wasal it-trakk tal-irmunkaġġ u l-akkużat irrifjuta li jħalli lill-pulizija jitla’ fil-karozza tiegħu waqt li kien qed ipejjep sigarett. Il-Pulizija ċaħad dak li qal l-akkużat waqt il-kontro-eżami li sar mill-avukat tad-difiża. Żied li l-akkużat irreaġixxa b’mod vjolenti wara li ġie mitlub biex jagħti ċ-ċavetta tal-karozza lill-Pulizija. Il-Pulizija ammetta li kien qed iġorr pakkett tas-sigaretti fl-uniformi imma insista dak il-ħin ma kienx qed ipejjep. Żied li huwa qala’ daqqa ta’ ponn wara li l-uffiċjal ta’ fuqu ordnalu jsuq il-karozza tal-akkużat. Fl-istqarrija tiegħu l-akkużat qal li ġie milqut minn manetta madankollu l-prosekuzzjoni qalet li r-raġel irrifjuta l-għajnuna medika.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia tat il-ħelsien mill-arrest lir-raġel fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €1,000. Huwa ngħata curfew u ġie ordnat li jiffirma l-ktieb tal-bail darba fil-ġimgħa.