Ħelsien mill-arrest għar-raġel akkużat b’sess ma’ tifla

Raġel ta’ 28 sena akkużat li kellu sess ma’ tifla taħt l-età u bit-traffikar tad-droga ngħata l-ħelsien mill-arrest.

Fil-Qorti, ir-raġel minn Bormla qed jafaċċja wkoll akkużi ta’ traffikar tal-kokaina, tal-eroina, u tal-kannabis, li kien f’pussess ta’ arma tan-nar, u akkużi ta’ ħasil tal-flus. Tressaq il-Qorti f’Mejju u issa ngħata l-ħelsien mill-arrest sakemm tinqata’ s-sentenza kontrih.

L-akkużat kien ġie arrestat filwaqt li t-tfajla tiegħu ta’ 15-il sena kienet miegħu fil-karozza. Fiha kellu wkoll drogi u madwar €6,000 fi flus kontanti.

L-avukati tad-difiża Franco Debono u Marion Camilleri għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Se jkollu jiffirma fl-għassa kuljum. Ġie ordnat ma jagħmilx kuntatt ma’ missieru.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kevin Pulis, Lianne Bonello, u Roxanne Tabone.