Ħelsien mill-arrest għall-anzjan li spara fuq il-ġar dwar parkeġġ

Read in English.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ anzjan ta’ 87 sena mix-Xewkija. Huwa qed ikun akkużat li poġġa arma tan-nar ma’ ras il-ġar tiegħu minħabba post ta’parkeġġ li skont l-akkużat huwa tiegħu bi dritt.

L-anzjan ċaħad l-akkużi ta’ attentat ta’ qtil tal-ġar tiegħu. Il-każ seħħ fis-7 t’Ottubru li għadda fi Triq is-Salib fix-Xewkija. Ir-raġel qed jiġi akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mingħajr permess tal-pulizija kif ukoll li darab ħafif lill-allegat vittma.

Fil-Qorti l-allegat vittma qal li ommi sejħitlu biex imur iċaqlaq il-karozza minħabba li l-anzjan kien qed joħloq paniku u kisser it-tieqa tal-passiġġier tal-karozza tagħhom. Spjega li hu ċempel lill-Pulizija biex jagħmel rapport. Il-pulizija interrogaw lill-anzjan u ftit wara wasal l-għassa il-vittma u ddeċieda li ma jipproċedix bil-każ il-Qorti għax kellu relazzjon tajba mal-familja tal-akkużat. Kif irritornaw id-dar l-akkużat qallu biex jagħmlu ftehim u kien hawnhekk li ħareġ l-arma tan-nar minn wara l-bieb ta’ barra u poġġieha ma’ moħħ il-vittma.

L-allegat vittma spjega li dak il-ħin prova jibqa’ kalm u kif rah li kellu subgħajh fil-grillu niżel u dak il-ħin l-anzjan spara. Ir-raġel prova jeħodlu l-arma tan-nar minn idejh u wara li spiċċaw fl-idejn irnexxielu jeħodlu l-arma tan-nar.

L-akkużat talab għall-ħelsien mill-arrest, li għal bidu l-Maġistrat ċaħad madankollu bintu għamlet tajjeb għall-garanzija bħala terza persuna.