Helpline għall-outpatients tal-fiżjoterapija fl-Isptar Karin Grech

Miguela Xuereb

Read in English.

Steward Healthcare nediet helpline għall-outpatients tal-fiżjoterapija fl-Isptar Karin Grech. Fi stqarrija ġie spjegat li dan sar sabiex tingħata għajnuna addizzjonali lil dawk il-pazjenti li kienu jew għadhom iżuru d-Dipartiment li jinsab fl-Isptar San Luqa.

Dawk kollha li ma jistgħux jattendu għall-appuntamenti tagħhom minħabba r-restrizzjonijiet li ġab miegħu l-coronavirus, jew li għadhom tħassib dwar il-progress tal-fiżjoterapija tagħhom, jistgħu jċemplu fuq 22081300.

Il-Helpline beda jopera mill-bieraħ. Matul il-ġimgħa se jkun aċċessibbli bejn is-7.30am u t-3pm u nhar ta’ Sibt bejn is-7.30am u n-12.30pm. Hu qed jitmexxa mill-fiżjoterapisti stess sabiex jipprovdu s-sapport u l-assistenza lill-pazjenti kif hemm bżonn.

Il-kumpanija fakkret lill-pazjenti li appuntamenti u referrals xorta għadhom qed isiru fid-Dipartiment tal-Outpatients jew inkella permezz ta’ video-consultations. Dan skont dak li jippreferi l-pazjent.

L-istqarrija ta’ Steward Malta tispjega kif bħala parti mill-pjan ta’ kontinġenza tal-pajjiż kontra l-coronavirus, l-Isptar Karin Grech ipprovda 28 sodda addizzjonali għall-pazjenti tal-virus, flimkien ma’ ward biex tintuza bħala kwarantina f’każ ta’ bżonn.

Qalet li l-pazjenti kollha li jkunu riferuti għall-Isptar Mater Dei jiddaħħlu fl-Isptar Karin Grech wara li jirriżultaw negattivi għat-test tal-coronavirus fejn hemm il-professjonisti tas-saħħa jsegwu s-sintomi qabel dawn jerġgħu jitħallew imorru lura lejn il-wards ġenerali.

Bħalissa għad mhux permess li viżitaturi fl-Isptar Karin Grech. Iżda l-kumpanija fakkret fl-għażla li wieħed iċempel permezz ta’ telefown jew filmat sabiex iżomm kuntatt mal-pazjenti. Qalet li l-wards kollha issa huma attrezzati biex dan ikun jista’ jsir.

Intant ħeġġet lill-pazjenti kollha li għandhom bżonn trattament urġenti jew kura sabiex jirrikorru lejn l-isptar jekk kif il-miżuri kollha qed jittieħdu sabiex dawn ikollhom l-aktar ambjent sigur possibbli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn