Helpline għall-anzjani bla sapport

Tnieda helpline għall-anzjani li għandhom bżonn in-neċessitajiet u m’għandhom lil ħadd biex jgħinhom.

Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Familja u s-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva fid-dawl tal-appell biex l-anzjani ma joħorġux minn djarhom.

Fi stqarrija l-Gvern spjega li dawk li għandhom iżjed minn 60 sena, huma mingħajr l-ebda appoġġ, u għandhom bżonn ta’ xi mediċini, ikliet lesti, jew inkella xi prodotti tal-ikel bħal frott u ħaxix (groceries), jistgħu jingħataw l-għajnuna billi jċemplu fuq 25903030.

Dan is-servizz, li tnieda llum, se jkun disponibbli mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8am sal-4pm, festi pubbliċi inklużi u nhar ta’ Sibt mit-8am sas-1pm.

Dan is-servizz se jkun wieħed temporanju u ladarba s-sitwazzjoni tinbidel dan is-servizz mhux se jibqa’ applikabbli.

Intant, il-Ministeru għall-Gvern Lokali qed jappella lill-pubbliku biex juża mezzi alternattivi elettroniċi ħalli titnaqqas il-ħtieġa li jkun hemm kuntatt dirett mal-istess ħaddiema tal-gvernijiet lokali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn