Helpline ġdid għal min iħossu waħdu

Twaqqaf helpline ġdid għal dawk il-persuni li qed iħossuhom waħedhom, li jinsabu iżolati jew jixtiequ jgħidu kelma ma’ xi ħadd. In-numru ta’ dan il-helpline huwa 1772.

Dan il-helpline tnieda mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u mis-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Silvio Parnis waqt konferza tal-aħbarijiet li saret b’mod virtwali. Dan il-helpline se jkun qed jiġi operat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), 24 siegħa kuljum.

It-telefonati se jkunu mwieġba minn numru ta’ professjonisti li se jkunu qed jisimgħu u jagħtu parir lil dawk li għaddejjin minn żmien ta’ solitudni aktar mis-soltu minħabba s-sitwazzjoni preżenti. Il-Ministru qal li l-Gvern huwa konxju mill-isfidi li din l-imxija qed iġġib magħha mhux biss fiżiċi imma wkoll sfidi mentali bħal ansjetà, dipressjoni u oħrajn. Żied li ‘kulħadd għandu dritt jibqa’ jgħix ħajja b’interazzjonijiet, komunikazzjoni u mħabba.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis appella lil dawk l-aktar vulnerabbli biex ikomplu jirrikorru għal kull tip ta’ għajnuna, kemm dik materjali kif ukoll għal servizzi ta’ helpline bħal dawn. Żied li jekk kulħadd jaħdem flimkien dan il-mument jingħeleb.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti u t-Terapista tal-Familja Charles Azzopardi saħqu li dan hu servizz psikoloġiku li qed jingħata biex tinżamm is-sanità mentali f’dawn il-mumenti. L-għan aħħari hu li kemm jista’ jkun ħadd ma jbati mis-solitudni, u permezz ta’ aktar solidarjetà u empatija nnaqqsu kemm jista’ jkun effetti psikoloġiċi negattivi.

Facebook – Foundation for Social Welfare Services

Il-Fondazzjoni OASI tassisti wkoll lil min qed iħossu waħdu

Il-Fondazzjoni OASI ħabbret li persuni li jixtiequ jitkellmu f’dan il-mument jistgħu jċemplu fuq 21563333 jew jibagħtu messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook OASI Foundation.

Il-Fondazzjoni qalet li f’dan il-mumenti ħafna huma dawk li jistgħu jkunu qed iħossuhom waħedhom u jħossu li ma jistgħux ileħħqu. Il-Fondazzjoni OASI qalet  li f’dan iż-żmien idealment il-persuni ma jqattgħux ħafna ħin waħedhom u jitkellmu ma’ xi ħadd.  

Żiedu li meta persuna titkellem ma’ xi ħadd, hemm ċans kbir li jħossu aħjar. Huma appellaw biex dawk li qed iħossuhom waħedhom ifittxu ma’ min jitkellmu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn