Ħelikopters jinżlu Malta biex jaħarbu l-kunflitt fil-Libja

Ħelikopters Franċiżi u ajruplan tal-passiġġieri li telqu mil-Libja minħabba l-kunflitti, għadhom kif niżlu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan wara li evakwaw għadd ta' ħaddiema mill-pajjiż hekk kif is-sitwazzjoni sejra mill-ħażin għall-agħar. 
Newsbook.com.mt huwa infurmat li wieħed mill-ħelikopters kien jintuża minn kumpanija taż-żejt Franċiża biex iwassal lill-ħaddiema fid-deżert. 
Il-ħelikopters u l-ajruplan żgħir niżlu Malta minħabba li l-ispazju tal-ajru fil-Libja ngħalaq għal kollox. Nhar il-Ħadd li għadda ngħalaq l-ajruport ta' Tripli, filwaqt li dak ta' Benghazi għalaq f'Mejju ta' din is-sena. 
Dawn il-ħelikopters huma bħal dawk li fi Frar tal-2011 kellhom jitilqu mil-Libja u niżlu Malta, ftit biss qabel ma' niżlu żewġ fighter jets Libjani. 
Hu mifhum li ħadd mill-Maltin li jinsabu l-Libja ma weġġa’ fl-attakki, u li bħalissa l-Ambaxxata Maltija fil-Libja qed tikkuntattjahom biex tara jekk għandhomx bżonn għajnuna. Madanakollu, il-Maltin mhux qed jiġu evakwati.