Ħelikopter ġdid għall-isptar u ieħor f’każ ta’ bżonn

Read in English.

Il-kumpanija Steward Health Care li timmaniġġja l-isptarijiet ħabbret li se tibda tuża ħelikopter ġdid biex ittejjeb it-trasport bejn Malta u Għawdex. Se jkollha wkoll ħelikopter ieħor biex jintuża f’każ li dak ewlieni jkun diġà qed jintuża jew tkun qed issirlu manutenzjoni.

Il-ħelikopter il-ġdid huwa tat-tip AirbusHelicopterEC135, l-iżjed tip ta’ ħelikopter li jintuża bħala ambulanza fid-dinja. Jista’ jġorr toqol ta’ 2,800 kilogramma, jiġifieri jesa stretcher waħda u tlier persuni oħra.

Il-kumpanija ħabbret ukoll li t-tieni ħelikopter li jkun standby, se jkun simili għal dan.

Il-President ta’ Steward Health Care, Nadine Delicata, qalet li s-servizz ta’ Steward huwa diġà ħafna aħjar mis-servizz preċedenti, meta kienu l-Forzi Armati ta’ Malta li kienu jieħdu ħsieb jittrasportaw lill-pazjenti bejn iż-żewġ gżejjer. Is-servizz kurrenti, qalet Delicata, jiffranka madwar siegħa b’kuntrast ma’ dak ta’ qabel.

Is-servizz il-ġdid għandu jidħol fis-seħħ ix-xahar id-dieħel. Il-ħelikopter il-ġdid se jkun qed jintuża b’kollaborazzjoni ma’ GulfMed Aviation Services, operatur Malti tal-ħelikopters.

Il-ħelikopter operat minn Steward Healthcare kien suġġett ta’ inkjesta fl-2018, peress li f’Awwissu tal-istess sena, pazjent ittieħed l-Isptar Mater Dei sitt sigħat wara li dan ġie rrakkomandat mit-tabib, pass li wassal għall-mewt tal-pazjent mal-wasla tiegħu f’Malta.