Kap Ġdida għat-Taqsima Kontra l-Ħasil tal-Flus

Anti-money laundering

Read in English.

Dr Helga Buttigieg Debono ġiet appuntata bħala l-Kap tat-Taqsima Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CFT).

It-taqsima l-ġdida twaqqfet għall-kordinazzjoni tal-ħafna awtoritajiet li bħalissa qegħdin jaħdmu biex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament terroristiku, fost affarijiet oħra.

Din it-taqsima għandha tiffaċilita l-koperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni bejn il-partijiet konċernati biex is-sistema lokali tkun aktar effiċjenti fit-tnaqqis u l-prevenzjoni tal-atti kriminali kollha tal-ħasil tal-flus, kif ukoll biex tiżgura l-istabbiltà u l-integrità tal-ekonomija Maltija.

Din it-taqsima se tkun il-parti amministrattiva tal-Kumitat Nazzjonali Kordinattiv fuq AML/CFT. Dan hu pass ieħor lejn l-emendi fl-Att tal-Prevenzjoni tal-Ħasil ta’ Flus, li ħa post id-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus (AML4).

Dr Buttigieg Debono hija avukatessa b’esperjenza f’dan il-qasam għaliex ħadmet fi ħdan it-Taqsima tal-Atti Kriminali Ekonomiċi u s-Sezzjoni tal-Ħasil tal-Flus mal-Pulizija ta’ Malta.

Ħadmet ukoll fil-Qorti Kriminali u Ċivili, kif ukoll bħala avukatessa għal bank Malti stabbilit. Kienet ukoll membru fuq 2 bordijiet governattivi.