Aġġornata: Helena Dalli tingħata l-portafoll tal-Ugwaljanza fil-KE

Luke Zerafa

Read in English.

L-eks Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli ngħatat il-portafoll tal-Ugwaljanza fil-Kummissjoni Ewropea l-ġdida tal-President Elett Ursula von der Leyen.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Ewropea qalet li Helena Dalli ddedikat il-ħajja politika tagħha għall-ugwaljanza. Dalli se tkun qed tmexxi l-portafoll tal-Ugwaljanza. Fl-ewwel reazzjoni tagħha, Dalli qalet li tinsab onorata b’dan il-portafoll “importanti”. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li von der Leyen għamlet l-għażla l-perfetta.

Illum von Der Leyen ħabret il-lista ta’ min se jkun fuq it-tim tagħha u xi rwol se jkollhom. Il-persuni kollha, inkluż Dalli, se jkollhom jiksbu l-appoġġ tal-Parlament Ewropew qabel ma jkunu jistgħu jservu fl-irwol tagħhom. Ursula von der Leyen diġà kisbet l-appoġġ mill-PE f’Lulju li għadda.

Filmat: Il-kandidata għall-president tal-KE titkellem dwar ‘ftehim aħdar’

Reċentament, rapporti fil-midja Ewropea kienu qed jgħidu li Dalli se tkun tieħu ħsieb il-portafoll tal-Ġustizzja. Minflok, se jkun Didier Reynders mill-Belġju li jokkupa din il-kariga.

Ippubblikati uffiċjalment l-ismijiet tal-Kummissarji Ewropej magħżula

Il-PN irid li Dalli tkun ikkonfermata

F’reazzjoni għan-nomina ta’ Dalli, il-Partit Nazzjonalista qal li għadu impenjat li jara li Dalli tgħaddi mill-iskrutinju tal-MEPs biex Helena Dalli tkun ikkonfermata bħala Kummissarju. Il-PN qal li qed jagħmel dan “fl-interess Nazzjonali”. Il-PN żied għid li sal-lum ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni dwar dan.

Il-President Elett Ursula von der Leyen qalet li “Dan it-tim se jagħti x-xejra lill-Mod Ewropew: se nieħdu azzjoni b’saħħitha kontra t-tibdil fil-klima, nibnu l-isħubija tagħna mal-Istati Uniti, niddefinixxu r-relazzjonijiet tagħna ma’ Ċina dejjem iktar kunfidenti fiha nnifisha u nkunu ġirien affidabbli, pereżempju għall-Afrika.”

“Dan it-tim se jkollu jiddefendi l-valuri u l-istandards globali għolja tagħna. Irrid Kummissjoni li hija mmexxija mid-determinazzjoni, li hija ffukata b’mod ċar fuq il-kwistjonijiet preżenti u li tagħti tweġibiet. Irridha li tkun Kummissjoni ibbilanċjata sew, aġli u moderna. Dan it-tim issa jrid jikseb il-fiduċja tal-Parlament. Il-Kummissjoni tiegħi se tkun Kummissjoni ġeopolitika b’impenn lejn politiki sostenibbli. U lill-Unjoni Ewropea rridha tkun il-gwardjan tal-multilateraliżmu. Għaliex nafu li aħna aktar b’saħħitna meta nagħmlu flimkien dak li ma nistgħux nagħmlu waħedna,” qalet von der Leyen.

Fi stqarrija, il-Gvern Malti qal li l-President Elett tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen għandha viżjoni ambizzjuża ta’ fejn trid tieħu lill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ugwaljanza.

Il-Gvern qal li huwa “ċar li għażlet lil Dr Dalli biex twettaq din il-viżjoni minħabba r-riżultati eċċellenti li ħadmet għalihom u li kisbet diġà f’dan is-settur.”

Skont il-Gvern, “Din in-nomina hija turija ta’ fiduċja f’Malta li f’dawn l-aħħar snin wettqet bidla pożittiva u llum pajjiżna huwa meqjus bħala ‘a beacon of hope’ kif deskritt minn numru ta’ istituzzjonijiet internazzjonali rispettati.”

Fi stqarrija, il-KE qalet li l-Kummissarji-nominati l-oħra huma kif ġej:

Johannes Hahn (l-Awstrija) se jkun responsabbli għall-”Amministrazzjoni u l-Baġit’, u se jirrapporta direttament lill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen. Bħala membru għal żmien twil tal-Kulleġġ, huwa konxju mill-importanza li wieħed jieħu ħsieb amministrazzjoni moderna.

Didier Reynders (il-Belgju), li tħarreġ bħala avukat, huwa eks Ministru nazzjonali tal-Finanzi ta’ esperjenza kbira , Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u Ministru għad-Difiża. Fil-Kummissjoni l-Ġdida, se jkun responsabbli għall-”Ġustizzja” (inkluż is-suġġett tas-saltna tad-dritt).

Mariya Gabriel (il-Bulgarija) attwalment hija Kummissarju Ewropew. Hija ħadmet b’dedikazzjoni u enerġija fuq il-portafoll diġitali, u issa se timxi l-quddiem biex toħloq perspettivi ġodda għall-ġenerazzjoni żagħżugħa (il-portafoll “Innovazzjoni u Żagħżagħ).

Stella Kyriakides (Ċipru) hija psikologa medika b’ħafna snin ta’ esperjenza fil-qasam tal-affarijiet soċjali, tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-kanċer. Hija se tmexxi l-portafoll “Saħħa”.

Kadri Simson (l-Estonja) hija membru għal żmien twil tal-Parlament Estonjan u l-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Infrastruttura. Hija se tkun responsabbli għall-portafoll “Enerġija”.

Jutta Urpilainen (il-Finlandja) mhux biss kienet il-Ministru tal-Finanzi u membru għal żmien twil tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Finlandiż; hija ħadmet ukoll bħala mibgħuta speċjali fl-Etjopja. Hija se tkun responsabbli għall-”Isħubiji Internazzjonali”.

Sylvie Goulard (Franza), eks membru tal-Parlament Ewropew, hija ċittadin Ewropew dedikata u konvinta. Bħala l-Kummissarju għas-”Suq Intern”, hija se tmexxi xogħolna fuq il-politika industrijali u tippromwovi s-Suq Uniku Diġitali. Se tkun responsabbli wkoll għad-Direttorat Ġenerali l-ġdid għad-Difiża tal-Industrija u l-Ispazju.

László Trócsányi (l-Ungerija) huwa l-eks Ministru tal-Ġustizzja tal-Ungerija. Huwa se jmexxi l-portafoll “Viċinat u Tkabbir”.

Phil Hogan (l-Irlanda), l-attwali Kummissarju għall-Agrikoltura, se jġib miegħu l-esperjenza tiegħu fil-Kummissjoni l-ġdida fil-portafoll “Kummerċ”.

Paolo Gentiloni (l-Italja), l-eks Prim Ministru Taljan u Ministru għall- Affarijiet Barranin, se jaqsam l-esperjenza vasta tiegħu fil-portafoll “Ekonomija”.

Virginijus Sinkevičius (il-Litwanja), Ministru Litwan għall-Ekonomija u l-Innovazzjoni, se jkun responsabbli għall-”Ambjent u l-Oċeani”.

Nicolas Schmit (il-Lussemburgu) iġib l-esperjenza tiegħu mill-Parlament Ewropew u mis-servizz bħala Ministru nazzjonali għall-Impjiegi u x-Xogħol, u se jkun responsabbli għall-portafoll “Impjiegi”.

Helena Dalli (Malta) iddedikat il-ħajja politika tagħha għall-ugwaljanza, fl-inkarigu ta’ Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l- Libertajiet Ċivili, kif ukoll bħala Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza. Hija se tmexxi l-portafoll “Ugwaljanza”.

Janusz Wojciechowski (il-Polonja) kien Membru għal żmien twil tal-Parlament Ewropew fil-Kumitat dwar l-Agrikoltura, u attwalment huwa Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Huwa se jkun responsabbli għall-portafoll “Agrikoltura”.

Elisa Ferreira (il-Portugall) attwalment hija Viċi-Gvernatur tal-Banco de Portugal. Ilha Membru tal-Parlament Ewropew għal ħafna snin, u kienet il-Ministru Portugiż għall-Ippjanar u l-Ministru għall-Ambjent. Hij se tmexxi l-portafoll “Koeżjoni u Riformi”.

Rovana Plumb (ir-Rumanija) hija Membru tal-Parlament Ewropew (Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi), u hija eks Ministru nazzjonali għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Ministru għax-Xogħol, Ministru għall-Fondi Ewropej, Ministru għall-Edukazzjoni u Ministru għat-Trasport. Hija se tkun responsabbli għall-portafoll “Trasport”.

Janez Lenarčič (is-Slovenja) huwa diplomatiku Sloven. Kien Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej, u ħadem mill-qrib għal diversi snin man-Nazzjonijiet Uniti, mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u l-Unjoni Ewropea. Huwa se jkun responsabbli għall-portafoll “Ġestjoni ta’ Kriżijiet”.

Ylva Johansson (l-Iżvezja) hija l-Ministru nazzjonali għall-Impjiegi iżda wkoll eks Ministru għall-Iskejjel u Ministru għas-Saħħa u l-Kura tal-Anzjani u membru tal-Parlament Żvediż. Hija wkoll esperta stmata ħafna fl-oqsma tal-impjiegi, l-integrazzjoni, is-saħħa u l-assistenza soċjali. Hija se tmexxi l-portafoll “Affarijiet Interni”.

Fi stqarrija, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li din hija l-ewwel darba li l-Kummisjoni Ewropea se jkollha kummissarju responsabbli mill-ugwaljanza b’mod partikolari. Qal li dan il-qasam “tant importanti għal Malta u għall-Unjoni Ewropea se jingħata l-prijorità li jixraqlu”.

Fi stqarrija, il-General Workers’ Union qalet li tilqa’ b’sodisfazzjon in-nomina ta’ Dalli. Qalet li temmen li l-esperjenza li kisbet f’Malta, ikkaratterizzata minn ħidma li għamlet id-differenza fis-soċjetà Maltija, se tgħinha biex tagħmel l-istess fuq livell Ewropew.

Reazzjonijiet fil-midja soċjali

F’Lulju li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar fuq Twitter li ddeċieda li jinnomina lill-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew.

Helena Dalli nominata għal Kummissarju Ewropew – Muscat