Helena Dalli nominata għal Kummissarju Ewropew – Muscat

Luke Zerafa

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar fuq Twitter li ddeċieda li jinnomina lill-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew.

Dan qalu wara diskussjonijiet dwar żewġ individwi mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fil-kuntest ta’ kompetenza u anke bilanċ bejn il-ġeneri. Qal li b’dan il-mod, Dalli se tkun l-ewwel mara li Malta se tkun qed tinnomina għall-irwol ta’ Kummissarju.

Dalli se tkun qed tirreżenja mill-pożizzjoni ministerjali tagħha sabiex tkun tista’ tiffoka fuq is-smigħ tal-Parlament Ewropew. Intant, il-Prim Ministru ħabbar li postha se jittieħed minn Edward Zammit Lewis li diġa jagħmel parti mill-kabinett u kien wasal fit-tmiem tal-kariga tiegħu bħala Chairperson tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali.

Il-Prim Ministru kompla billi rringrazzja lil Karmenu Vella tax-xogħol li għamel bħala Kummissarju għall-ambjent fejn spjega li dderiġa kampanji globali dwar it-tniġġiż tal-baħar bil-plastik fost l-oħrajn. Qal li jinsab entużjast li jarah involut aktar f’attivitajiet relatati mal-Gvern malli jispiċċa t-terminu tiegħu.

“Il-gvern b’messaġġ b’saħħtu favur is-sehem tan-nisa fis-soċjetà” – PL

 Filwaqt li awgura lil dalli, il-Partit Laburista qal li dan kien messaġġ b’saħħtu tal-Gvern favur is-sehem tan-nisa fis-soċjetà. Spjega li din in-nomina ġiet fi żmien fejn il-pajjiż qed jiddiskuti riforma biex iktar nisa jagħtu s-sehem tagħhom fil-politika.

Intant, il-partit awgura wkoll lil Zammit Lewis filwaqt li radd ħajr lil Karmenu Vella tal-ħidma tiegħu tul l-aħħar ħames snin.