​Helena Dalli: €60,000 fuq erba’ safriet

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli nefqet ‘il fuq minn €60,000 fuq erba’ safriet ministerjali fl-Istati Uniti.
Skont informazzjoni mitluba f’mistoqsija parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, il-Ministru Dalli qalet li bejn is-sena 2017 u din is-sena, hi attendiet avvenimenti tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Mara (CSW), il-Global Progress Summit tal-UNESCO u għall-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Ġurnata Internazzjonali tan-Nisa.
B’kollox il-Ministru marret fuq 14-il safra ministerjali fl-2017 u erba’ oħra din is-sena.
Joe Mizzi: €43,000 għal safar ‘il barra mill-Unjoni Ewropa
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi nefaq iktar minn €43,000 fuq żjajjar ‘il barra mill-Unjoni Ewropea.
Tnejn minn dawn iż-żjajjar kienu lejn il-Montenegro fejn l-Enemalta daħlet fi proġett internazzjonali biex jinbnew windfarms.
Il-bqija taż-żjajjar kienu żjara f’Tel Aviv, f’Abu Dhabi, fil-Kajr, fl-Indja u fi Brasilia.
Michael Farrugia:  €17,250 għal żewġ żjajjar fl-Estonja
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia nefaq €47,920 f’safar fl-2017. Dawn jinkludu €17,250 għal żewġ żjajjar fl-Estonja.
Fl-Estonja, il-Ministru attenda għal-Laqgħa Informali tal-Ministri għall-Ġustizzja u l-Intern u t-Tieni Laqgħa tal-Ministri tal-Intern tal-Pajjiżi Ċentrali tal-Mediterran.
Fiż-żewġ eventwalitajiet, il-Ministru Farrugia kien akkumpanjat miċ-Chief of Staff u mill-Koordinatur tal-Informazzjoni u tal-UE. F’waħda mis-safriet, kien akkumpanjat ukoll mid-Direttur responsabbli mid-Difiża.
33% tal-ispejjeż ta’ dan il-Ministeru relatati ma’ safar kienu marbuta ma’ żjajjar fi Brussell.
Il-Prim Ministru u l-Ministri l-oħra għadhom ma ppreżentawx dawn il-figuri fil-Parlament.