Helen Keller: Il-Ministeru jwieġeb lill-MUT biċ-ċertifikati

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) bniet storja fuq l-ineżattezzi u minħabba f’hekk tat direttivi li se jaffettwaw negattivament lit-tfal fil-bżonn li jattendu l-Iskola Helen Keller.
Il-Ħamis li għaddew, l-MUT għamlet konferenza tal-aħbarijiet quddiem dan iċ-ċentru, u allegat li Helen Keller huwa f’riskju minħabba n-nuqqas ta’ attenzjoni lis-saħħa u sigurtà.
Fost l-oħrajn l-unjin irreferiet għal banju li fih jaħslu lit-tfal u qed jirriċiklaw l-ilma li jinħaslu bih it-tfal u jużawh għal erba’ studenti differenti. Jispjegaw li b’din il-proċedura, il-kontaminazzjoni fl-ilma tkun għolja ħafna.
Iżda l-Ministeru rreaġixxa billi ppubblika ċ-ċertifikati tas-saħħa u s-sigurtà li juru li kollox hu kif sippost.
Fl-ittra li s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Frank Fabri, bagħat lill-MUT, stieden lill-unjin biex jekk għandha opinjoni differenti u tixtieq tqabbad esperti professjonali tista’ tagħmel dan, minkejja li darba tnejn it-testijiet saru u kollox jirriżulta kif suppost.