“Ħeġġa min-nies biex jisimgħu x’għandu x’jgħid il-Papa fl-Irlanda”

Facebook - World Meeting of Families 2018

Id-Direttur tal-Aid to the Church in Need Malta, Stephen Axisa, qal li hemm ċertu ħeġġa min-nies biex jisimgħu x’għandu xi jgħid il-Papa fl-Irlanda.

Waqt kollegamenti ma’ Newsbook.com.mt, Axisa qal li ħafna nies minn madwar id-dinja marru l-Irlanda fejn jinsab hu wkoll biex jaraw u jisimgħu lil Papa. Spjega kif qed ikun hemm “baħar ta’ nies” miġbura fit-toroq li minnhom jgħaddi l-Papa. Mistoqsi dwar il-kummenti tan-nies li qegħdin preżenti qal li dawn huma “pożittivi ħafna”. Spjega li diversi familji bdew jaqsmu l-esperjenzi tagħhom man-nies preżenti f’diskorsi movimentati.

Tkellem ukoll dwar diskors partikolari li ddeskriva bħala “mqanqal” mill-Kardinal Luis Antonio Tagle li huwa mill-Filippini. Qal li dan tkellem dwar il-kultura li qed tikber li wieħed jarmi l-oġġetti li qed tinfiltra aspetti differenti tal-ħajja.

Ilbieraħ il-Papa qal li l-koppji jistgħu jiġġieldu kemm iridu matul il-ġurnata, iżda filgħaxija, għandhom jirrikonċiljaw. Huwa qal dan f’laqgħa ma 370 koppja fi Pro-Katidral f’Dublin. Il-Papa Franġisku wiegħed li se jieħu azzjoni biex akkost ta’ kollox iwaqqaf darba għal dejjem l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal mill-kleru. Għadd ta’ abbużi sesswali begħdu lil ħafna Irlandiżi mill-Knisja. L-Arċisqof Carlo Maria Vigano, eks uffiċjal għoli tal-Vatikan u persuna qrib il-Kardinali li pubblikament ħarġu kontra t-tagħlim tal-Papa dwar il-familja, sejjaħ għar-riżenja tal-Papa Franġisku.