Hedded lill-eks għarusa li joqtolha u ngħata l-ħelsien mill-arrest

Miguela Xuereb

Raġel li kien akkużat li hedded lill-eks għarusa tiegħu li joqtolha jekk tirrappurtah lill-pulizija nħeles mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li l-vittma temmet ir-relazzjoni tagħha mal-akkużat ġimgħa qabel. L-akkużat ma riedx jaċċetta li r-relazzjoni tagħhom kienet intemmet. Huwa ċempel lill-eks għarusa tiegħu u talabha biex jiltaqgħu. Skont il-Prosekuzzjoni, hi rrifjutat imma hu baqa’ jinsisti, allura ċediet.

Ir-raġel ta’ 33 sena telaq minn Birkirkara, fejn joqgħod, fl-1 ta’ Marzu, u qabad il-karozza tal-linja għal San Pawl il-Baħar biex jiltaqa’ mal-eks għarusa. Meta ltaqgħu, bdew jargumentaw. Il-vittma baqgħet tinsisti li ma tridx tkompli toħroġ miegħu, u li se tirrappurtah lill-pulizija jekk jibqa’ jagħtiha fastidju.

Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel heddidha li joqtolha u jtajjarha jekk tirrappurtah lill-pulizija. Heddidha wkoll billi daħħal lil uliedha fil-konverżazzjoni.

Il-vittma b’hekk għamlet rapport fl-għassa tal-pulizija tal-Mosta. L-akkużat ammetta li heddidha li joqtolha waqt li kien qed jiġi interrogat mill-pulizija.

Filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali talab għall-ħelsien mill-arrest, il-Prosekuzzjoni insistiet li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ta l-ħelsien mill-arrest lill-akkużat, bil-kundizzjoni li dan ma joħroġx mid-dar bejn l-10pm u l-5am. L-akkużat irid jiffirma l-għassa darba f’ġimgħa, iħallas depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000.

Inħarġet ordni ta’ protezzjoni għall-vittma.