Hedded u attakka lill-eks sieħba; inżamm arrestat

Raġel ta’ 40 sena minn Ħal Qormi dalgħodu tressaq il-Qorti akkużat li segwa lill-eks tfajla tiegħu b’mod klandestin, li intimidaha u li kkawżalha feriti ħfief.
Ir-raġel kien akkużat ukoll li attakka u kkawża feriti ħfief lil mara kif ukoll lis-sieħeb attwali tagħha. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri ġiet mgħarrfa li r-raġel kien reċidiv.
L-avukat difensur talab biex l-akkużat jitqies bħala mhux ħati u biex jinħeles mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat, għax fi kliemha r-raġel mhux ta’ min ikun fdat.
Fi Frar li għadda r-raġel tressaq il-Qorti fuq akkużi simili u mar jiltaqa’ mal-mara minkejja li ngħatat ordni ta’ protezzjoni, fejn skont il-Prosekuzzjoni kien hemm ukoll vjolenza domestika u theddid.
Raġuni oħra tal-Prosekuzzjoni hija li r-raġel ta lill-Qorti indirizz ħażin u meta l-pulizija marru f’dan l-indirizz, il-post kien abbandunat u l-ġirien infurmawhom li ma kien joqgħod ħadd.
Id-difiża sostniet li r-raġel kien joqgħod ma’ ommu mhux fl-inidirizz imniżżel fid-dokumenti uffiċjali tiegħu. Huwa qal li t-tfajla li kellu kienet iċċempillu fuq numru privat. Skont l-avukat l-istorja hija aktar kumplikata minn kif pinġietha l-Prosekuzzjoni.
Minkejja l-assigurazzjonijiet tad-difiża li l-akkużat se jkun qed jgħix ma’ ommu f’Ħal Qormi, huwa ma ngħatax il-libertà proviżorja.