Hedded lill-Maġistrat u lill-Ispettur li kien se joqtolhom

Ingħata bidu għall-kumpilazzjoni ta’ evidenza fil-konfront ta’ Pasqualino Cefai, li nhar il-Ħamis li għadda fil-Qorti, prova jħebb għall-Maġistrat Miriam Hayman.
Fix-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, is-Surġent Duncan Demicoli li qed jinvestiga l-każ qal, li waqt li kienet għaddejja seduta quddiem il-Maġistrat Hayman, Cefai deher irrabbjat ħafna u heddida li kien se joqtolha. Hedded ukoll lill-Ispettur preżenti u qallu li kien se joqtol lilu u lil familtu.
Demicoli qal li Cefai beda jidgħi u jsabbat, inħareġ mill-awla u nżamm fil-lock-up li hemm taħt il-bini tal-Qorti. Spjega li hemmhekk Cefai kien għadu rrabjat, kisser mera kif ukoll weġġa’ lilu nnifsu meta beda jħabbat rasu mal-locker.
F’Ġunju li għadda, Pasqualino Cefai li għandu 39 sena u huwa miż-Żebbuġ Għawdex, kien ingħata sentenza ta’ seba’ snin priġunerija wara li nstab ħati li ħebb b’mus u weġġa’ gravi lil Joseph Portelli f’awla fil-Qorti ta’ Għawdex.