Hedded 5 pulizija; jinżamm arrestat

Arkivji

Raġel ta’ 30 sena baqa’ jinżamm taħt arrest wara li ġie akkużat li hedded ħames uffiċjali tal-Pulizija.

Ir-raġel, li twieled il-Kamerun u joqgħod il-Mosta, wieġeb li mhuwiex ħati.

Illum ir-raġel ġie akkużat fil-Qorti li fit-2 ta’ Frar hedded għadd ta’ uffiċjali tal-Pulizija f’San Ġiljan . Ġie akkużat li rreżista u li hedded surgent u żewġ kuntistabbli fi Triq Spinola. Ġie akkużat ukoll li hedded tliet uffiċjali tal-pulizija fi Triq San Ġużepp.

Apparti minn hekk, ir-raġel ġie akkużat ukoll li kellu id-droga tal-kannabis fuqu f’ċirkostanzi li l-Pulizija tgħid li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Instab ukoll fil-pussess tal-ekstasi.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan. Fil-Qorti ntqal li qed jiżdied in-numru ta’ każijiet ta’ vjolenza kontra uffiċjali tal-Pulizija.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Xerri. L-avukat tal-għajnuna legali kienet Dr Fransina Abela. Il-Maġistrat kien Joseph Mifsud.

Il-proċeduri nstemgħu bl-Ingliż.