Hedda Gabler jixxandar mill-ġdid illum

Josette Ciappara f'Hedda Gabler

Illum il-Ġimgħa fit-2.45pm TVM se jxandar il-produzzjoni Hedda Gabler tal-1980 b’Josette Ciappara, Lina Galea Cumbo u Monica Attard fost il-protagonisti. Il-produzzjoni kienet ta’ Mario Philip Azzopardi, b’direzzjoni ta’ Charles Stroud.

Hedda Gabler hu dramm tan-Norveġiż Henrik Ibsen li nħadem għall-ewwel darba fil-31 ta’ Jannar 1891 fi Munich fil-Ġermanja. Id-dramm hu meqjus bħala stilla fil-ġeneru tal-kitba tar-realiżmu u wieħed mill-aqwa xogħol għall-palk li qatt inkitbu.

L-istorja hi dwar Hedda, it-tifla ta’ ġeneral aristokratiku, li tkun għadha kif waslet lura mill-honeymoon ma’ żewġha George Tesman, żagħżugħ mogħti għar-riċerka akkademika. Waqt l-istorja joħroġ ċar li l-mara ma kenitx iżżewġitu għax tħobbu imma għax tħoss li ż-żmien taż-żogħżija tagħha kien spiċċa u mar.

Ħajjitha tikkomplika ruħha meta jitfaċċa f’ħajjitha Eilert Levborg, rival ta’ żewġha fl-istudju tiegħu.  Fil-fatt dan ikun għadu kif ippubblika ktieb li għamel suċċess fl-istess qasam tar-raġel tagħha. Hedda u Eilert, meta jiltaqgħu flimkien, jirriżulta li qabel kienu jinnamraw flimkien.

TVM se jkun qed ixandar l-erba’ taqsimiet wara xulxin sal-ħin tal-5pm.