Ħebb għalihom bi flixkun imkisser għax ‘ittantawlu’ t-tfajla

Żagħżugħ ta’ 22 sena tressaq il-Qorti wara li nhar l-Erbgħa li għadda ġie fl-idejn ma’ żewġt irġiel li skont hu kienu qed jagħtu attenzjoni żejda lit-tfajla tiegħu.
Huwa nħeles mill-arrest b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000.
Iż-żagħżugħ minn Ħaż-Żabbar spiċċa bi snienu mtajra fl-argument f’Paceville.
Il-Prosekuzzjoni qalet li ż-żagħżugħ kien irrabjat għal dawn l-irġiel wara li ppruvaw jittantawlu t-tfajla tiegħu u kien hawnhekk li dar fuqhom u attakkahom bi flixkun imkisser.
Iż-żagħżugħ instab li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti wara li f’Ottubru li għadda weġġa’ mara f’Paceville.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Anthony Vella, ordnat ukoll biex iż-żagħżugħ ma jersaqx lejn Paceville u ngħata ordni ta’ superviżjoni temporanja.