Ħbieb u Għedewwa jkompli jinħadem

Matul il-ġimgħa li għaddiet bdew l-iskedi tal-istazzjonijiet lokali u ħareġ biċ-ċar li t-telespettaturi Maltin ħassew in-nuqqas tas-sensiela Ħbieb u Għedewwa.

Din is-sensiela bi produzzjoni ta’ Rewind kienet ilha għaddejja mill-2014, u tibqa’ mniżżla fl-istorja tat-televiżjoni Maltija bħala l-ewwel soap opera ta’ kuljum li qatt kellna.

L-ilmenti fuq il-mezzi soċjali ma waqfux fl-aħħar ġranet iżda llum nistgħu niżvelaw li Ħbieb u Għedewwa se jkompli.

Fil-fatt kien hemm bosta persuni li fl-aħħar ġranet raw xi filming għaddeja fuq Dingli Cliffs b’mod partikolari lill-attur John Mansueto li jinterpreta lil Saviour Zammit Torreggiani.

Din l-aħbar se tagħti tama ġdida lill-eluf ta’ telespettaturi ta’ kuljum kienu jsegwu din is-soap opera,

newsbook.com.mt ikkuntattja lill-producers u awturi ta’ Ħbieb u Għedewwa li kkonfermaw li x-xogħol fuq l-episodji l-ġodda beda.

Jifdal mistoqsija waħda, fuq liema stazzjon se jkunu qed jintwerew il-puntati l-ġodda ta’ Ħbieb u Għedewwa?

Għalissa, iżda, jidher li se jkollna nistennew ftit aktar qabel ma’ jkollna l-aħbar uffiċjali ta’ minn meta kif ukoll fuq liema stazzjon se nkunu nistgħu nibdew insegwu s-sitt staġun ta’ Ħbieb u Għedewwa.