Ħbieb tal-Istati Uniti jgħidu li mhux se jiħduha aktar bis-serjetà

Stqarrija maħruġa minn 22 pajjiż, fosthom ħbieb tal-Istati Uniti, tgħid fost l-oħrajn li minn issa ’l quddiem l-Istati Uniti ma tistax tibqa’ tittieħed bis-serjetà meta titkellem fuq il-paċi fil-Lvant Nofsani.
Id-dikjarazzjoni qawwija ġiet wara li l-ġimgħa l-oħra l-President Donald Trump irrikonoxxa uffiċjalment lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, deċiżjoni li qajmet kontroversja internazzjonali.
Minn dakinhar il-protesti ma waqfuf, u mexxejja tal-Lega Għarbija żiedu fl-istqarrija li dil-mossa temmet għalkollox in-newtralità li sippost kellha l-Istati Uniti fil-kwistjoni bejn Iżrael u l-Palestina.
Iżrael dejjem qied lil Ġerusalemm kollha bħala l-kapitali tiegħu, iżda l-Palestinjani jgħidu li l-Lvant tal-belt, li Iżrael qabad u okkupa wara l-gwerra tal-1967, huwa tagħhom.
Il-mossa ta’ Trump tfisser li l-Iżraeljani issa għandhomaktar poter fil-Lvant tal-belt, u dan jista’ jfisser okkupazzjoni aktar mifruxa minn naħa tagħhom.
Lill-kritiċi Trump weġibhom li din kienet wegħda elettorali, kif ukoll rikonoxximent tar-realtà kif inhi.
Ir-riżoluzzjoni ġiet iffirmata għall-ħabta tas-2am, ħin Malti, u tgħid hekk:

  • B’did-deċiżjoni l-Istati Uniti rtirat lilha nnifisha mill-proċess ta’ paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani
  • Il-mossa ta’ Trump teskala t-tensjoni, tkebbes ir-rabja u thedded b’aktar kaos u vjolenza fir-reġjun
  • Se tintbagħat talba lin-Nazzjonijiet Magħquda biex jikkundanna dil-mossa

Fost il-pajjiżi ħbieb tal-US li ffirmaw ir-riżoluzzjoni hemm l-Arabja Sawdija, il-Ġordan u l-Emirati Għarab Magħquda.
Sadanittant, waqt laqgħa t’urġenza li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda sejjaħ, il-Mibgħuta Speċjali tal-Istati Uniti, Nikki Haley, sabet lilha nnifisha waħedha f’vot li ttieħed.
L-14-il pajjiż l-ieħor ikkundanna l-mossa, hi, f’isem pajjiżha, le.