“Ma kienx hemm raġuni għaliex Ali Sadr ma jingħatax liċenzja”

Read in English.

L-attivista għall-ambjent Petra Caruana Dingli kienet waħda mix-xhieda waqt l-inkjesta pubblika llum waranofsinhar. Caruana Dingli kienet ħabiba kbira tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Xehdet ukoll Glorya Beacom, ħabiba oħra tal-ġurnalista assassinata.

Xi spikka llum?

  • Fl-2016, l-attakki fuq Daphne saru aktar personali – Petra Caruana Dingli, ħabiba ta’ Daphne
  • Caruana Dingli tgħid li Joseph Muscat bħala Prim Ministru kien jissapportja l-kontenut fuq il-blogg ta’ Glenn Bedingfield għax ħallieh onlajn
  • Glorya Beacom, ħabiba ta’ Daphne tirrakkonta minn xiex kienet tgħaddi l-ġurnalista: “Iġbduha minn xagħarha, dik mara ħażina”
  • Dr Andre Camilleri, li kien jaħdem l-MFSA qal li “ma kienx hemm raġuni għaliex Ali Sadr ma jingħatax liċenzja għall-Bank Pilatus”
  • Il-Bord tal-Inkjesta jilqa’ t-talba tal-Avukat tal-Istat biex ikun preżenti waqt l-inkjesta pubblika. Il-Bord jista’ ma jippermettix il-preżenza tal-Avukat tal-Istat meta s-smigħ ikun fil-magħluq.
15:40 Grazzi talli segwejtu dan il-live blogg.
Nicole Borg
15:34 Nhar il-Ġimgħa, se jixhdu Ray Barbara u Kenneth Camilleri fil-11am. Filwaqt li t-Tnejn se jissejjaħ l-eks Uffiċċjal tal-Komunikazzjoni fl-OPM, Kurt Farrugia.
Nicole Borg
15:32 Dr Camilleri kien l-aħħar xhud għal-lum.
Nicole Borg
15:31 Dr Camilleri qal li kien hemm tliet kawżi miftuħa f'Malta mill-Bank Pilatus kontra l-awtorità, qal li kien hemm tliet każi oħrajn miftuħa lill-ECB quddiem is-CJEU.
Nicole Borg
15:29 Dr Azzopardi staqsa jekk il-Bord kellux aċċess għad-dokumenti msemmija minn Dr Camilleri.

Dr Camilleri spjega li dan kien id-dokument li jikkonċerna l-Bank Pilatus minn qabel mal-bank ġie liċenzjat, sa dakinhar li l-bank tilef il-liċenzja tiegħu.
Nicole Borg
15:26 "Il-bank qatt ma jista' jkollu defiċenzji," qal Dr Camilleri.

Lofaro staqsiet jekk dawn iż-żjarat kinux isiru għall-għarrieda.

Dr Camilleri qal li jekk klijent kien jagħmel ilment jew jallega xi ħaġa serja, l-awtoritajiet kienu jagħmlu żjara mingħajr ma javżaw lill-entità. Iżda jekk ma jkun sar l-ebda rapport, l-entità kienet tiġi mgħarrfa biż-żjara qabel.
Nicole Borg
15:23 Mistoqsi dwar l-allegata sistema tad-double accounting fil-Bank Pilatus, Camilleri qal lill-Bord: "Kull min irid iqarraq se jsib mod kif jagħmel dan u dan mhux neċessarjament dejjem kien jinqabad mis-supervisor. Din issir responsabbiltà tal-awditur tal-bank. Jekk kienu jinstabu nuqqasijiet, kien hemm riskju li jitlef il-liċensja tal-awditjar. Ma nafx jekk dan kienx il-KPMG."
Nicole Borg
15:21 Dr Camilleri qal li ż-żjarat superviżorji kienu jsiru b'mod regolari u kienu jdumu sa ġimagħtejn. Hu spjega li meta kien ikun hemm dawn iż-żjarat, il-ħaddiema tal-bank kien ikollhom jikxfu l-informazzjoni li għandhom lill-awtoritajiet.
Nicole Borg
15:19 Mistoqsi dwar Sai Mizzi u Brian Tonna, hu qal li huma ma kinux irreġistraw miegħu f'dak iż-żmien.
Nicole Borg
15:18 Ix-xhud ikkonferma li Ali Sadr kien ġie introdott lill-awtorità minn waħda mill-akbar kumpaniji tal-awditjar, KPMG. Irrepeta li mid-dokument tal-kumpanija wieħed jista' jsib il-minuti relatati.
Nicole Borg
15:16 Hu żied jgħid li dawn il-bankijiet riedu sieq ġewwa ż-żona Ewro.

Ix-xhud qal li hu ma setax jiftakar jekk il-bank kienx kellimhom dwar klijenti Ażeri. Qal li jekk kien hemm xi ħaġa ħażina dak iż-żmien, il-Bank Pilatus ma kienx se jingħata l-liċenzja.
Nicole Borg
15:15 "Aħna konna nafu li dan ma kienx se jkun bank bl-imnut. Konna nafu li kienu se jkunu qed jimmaniġġjaw il-flus ta' wħud mill-akbar klijenti," qal Dr Camilleri.

F'Malta, hemm biss sitt banek li joffru servizzi lill-pubbliku ġenerali mis-26 bank li hawn reġistrat, spjega x-xhud.
Nicole Borg
15:13 Dr Camilleri qal li Ali Sadr, minkejja li ma kienx bankier, kellu żewġ liċenzji mill-Iżvizzera, li mhix ġurisizzjoni li wieħed faċli jġib liċenzji fiha.

"Ma kien hemm l-ebda raġuni għaliex Ali Sadr Hasheminejad ma jingħatax liċenzja bankarja. Imma dak hu biss l-ewwel pass. Ta' kuljum, il-bank irid ikun konformi ma' regoli varji," qal Dr Camilleri.
Nicole Borg
15:09 Ix-xhud qal li l-Bank Pilatus kien liċenzjat fl-istess żmien li hu kien mal-Awtorità.

"Nassumi li l-Bord għandu kopja tad-dossier li jikkonċerna lill-Bank Pilatus," qal Dr Camilleri.

Hu spjega li sal-2002, il-Bank Ċentral kien inkarigat milli jilliċenzja l-entitajiet. Qal li wara dan iż-żmien, l-MFSA ħadet dan l-irwol. Hu żied jgħid li minkejja dan, l-MFSA kienet żammet kuntatt mal-Bank Ċentrali.

Dr Camilleri spjega li wara l-2014, il-Bank Ċentrali Ewropew beda jieħu ħsieb il-proċess tal-liċenzjar. Qal li l-liċenzja tal-Bank Pilatus ġiet irtirata mill-Bank Ċentrali Ewropew wara rakkomandazzjonijiet mill-MFSA.
Nicole Borg
15:08 Dr Camilleri qal li hu kien diġà rtira fiż-żmien meta ġew ippubblikati l-Panama Papers.

Spjega li l-FIAU kienet tinforma lill-MFSA f'każ li l-Awtorità jkollha tissospendi l-liċenzja ta' waħda mill-entitajiet tagħha.
Nicole Borg
15:06 Hu kien responsabbli għall-konformità u l-ħasil tal-flus fir-rigward tal-FIAU, spjega Camilleri.

Camilleri qal li f'dan iż-żmien huwa kien jifred il-kunsill u l-bord ta' gvernaturi (li kien jinkludi persuni magħżula mill-politiċi). Hu spjega li bord ta' gvernaturi ma kienx jinterferixxi f'min jingħata l-liċenzja.
Nicole Borg
15:04 Dr Camilleri qal li hu kien jaħdem l-MFSA bejn l-1994 u l-1996 u bejn l-2002 u l-2014. Qal li wara hu rtira. Spjega li għall-bidu hu kien Kap Eżekuttiv, aktar tard huwa laħaq Direttur Ġenerali tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji.
Nicole Borg
15:02 Jibda jixhed l-avukat Andre Camilleri.
Nicole Borg
15:01 Mistoqsija jekk Caruana Galizia qattx qaltilha li kienet qed tirċievi theddid, Beacom spjegat li "le".

"Hi ma kinitx it-tip li toqgħod izzekzek fuq in-nies. Jekk kienet tirċievi theddid, kienet tikteb dwaru," qalet ix-xhud.
Nicole Borg
15:00 "Daphne ma kinitx biss ġurnalista. Kienet tħobb issiefer, titkellem dwar l-ikel u l-mużika. Iva, kien hemm il-ġurnaliżmu, imma kellha ħajja apparti minn dan. Jekk kellek bżonn rigal, kienet il-persuna ideali li wieħed ikellem," ix-xhud qalet lill-Bord.
Nicole Borg
14:57 "Ma kellha bżonn tgħid xejn. Kienet viżibbli," qalet Beacom.

Hi tkellmet dwar billboard li fuqu kien hemm wiċċ Caruana Galizia. Qalet li sħabha kienu jiġu attakkati wkoll u kienu jispiċċaw imsemmija fi bloggs. Qalet dan kien isir bil-għan biex lil Caruana Galizia jiżolawha u jġiegħlu lil sħabha jħossuhom skomdi magħha.

Beacom ftakret kif darba kienu ċemplu lil Caruana Galizia biex toħroġ magħhom u kienet qaltilhom li ma riditx iġġiegħlhom iħossuhom skomdi u jispiċċaw fil-mira ta' ritratti mill-pubbliku.
Nicole Borg
14:57 F'okkażjoni separata, Daphne Caruana Galizia qaltilha li kienet marret f'beach club u malli ħarġet mill-baħar, sabet persuna li ħaditilha ritatt bil-mobile.
Nicole Borg
14:56 Beacom qalet li l-pulizija qatt ma sabu lill-mara li kienet qed twerżaq barra.
Nicole Borg
14:54 Wara l-inċident, il-grupp ta' ħbieb spiċċaw fl-għassa tal-pulizija fejn għamlu rapport u eventwalment il-pulizija pproċedew bil-Qorti.

Beacom qalet li wara l-bieb kien hemm xi persuni li kienet taf Daphne u kien għalhekk li daħlet ġewwa. Borg Cardona qal li kienu se jinstabu kopji tar-rapport biex jiġu sottomessi fil-Qorti.
Nicole Borg
14:52 Ix-xhud spjegat li ħdejn il-bieb kien hemm żewġ qassisin, filwaqt li mara bdiet tgħajjat u twerżaq "oħorġuha minn hemm. Iġbduha minn xagħarha dik mara ħazina".

Il-qassisin kienu qalulha biex iċċempel lill-pulizija.
Nicole Borg
14:49 Beacom kienet ukoll ħabiba kbira ta' Caruana Galizia. Hi qalet li fis-7 ta' Marzu tal-2013, hi u r-raġel tagħha kienu marru l-Imdina. Qalet li hemm iltaqgħu ma' Peter u Daphne Caruana Galizia. Qalet li ddeċidew li jmorru sal-festa tar-Rabat, imbagħad marru jieklu f'ħanut tal-kejkijiet.

Qalet li huma u mexjin fiċ-ċorma, il-grupp infired u tilfu lil Caruana Galizia. Huma mxew lura lejn l-Imdina fejn sabu li kien hemm diversi persuni li mxew lejn il-ġenb u kien hemm mara fin-nofs, quddiem bieb, tgħajjat l-oxxenitajiet.
Nicole Borg
14:47 Titla' tixhed Glorya Beacom.
Nicole Borg
14:45 Il-Bord staqsa jekk Daphne Caruana Galizia kinitx titkellem magħha dwar il-biża' tagħha. Ix-xhud qalet li kien hemm atti vandali fuq darha. Żiedet tgħid li magħha Caruana Galizia qatt ma kienet esprimiet biża' li seta' kien hemm min se jweġġagħha fiżikament.
Nicole Borg
14:44 It-titlu tal-artiklu kien "That is Muscat’s blog, not Bedingfield’s".
Nicole Borg
14:41 Caruana Dingli qrat artiklu miktub minn Caruana Galizia u ppubblikat fil-ġurnal The Malta Independent fl-2016. Dawn huma partijiet mill-artiklu li nqraw fil-Qorti:

"Glenn Bedingfield, 41, is not a journalist or anybody who makes his living in the media."

"When he set up a website which he uses to harass, insult, denigrate, smear and intimidate critics of the government he serves, and other such ‘enemies of the state and the people’, you should have been left in no doubt that he did it in consultation and conspiracy with the Prime Minister himself."

"Bedingfield criticised a judge the other day. He was ill-advised to do it, because the judge in question is a respectable woman with no black marks anywhere in her private, professional or public life. His idiotic remarks went down very badly, and provoked an angry statement by the Chamber of Advocates and another one by the Opposition leader."
Nicole Borg
14:40 Hi u twieġeb mistoqsija tal-Bord, qalet li kienet rat tibdil fl-atmosfera u fil-pressjoni fuq Caruana Galizia hekk kif fl-2016, l-istejjer kellhom riskju akbar u itqal.

Caruana Dingli qalet li l-attakki saru aktar personali u kien ċar minn fejn kienu qed joriġinaw.
Nicole Borg
14:39 "Ladarba din spiċċat xi ħaġa li qed toriġina mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru nniffsu, saret iktar diffiċli biex tifhem il-poter tal-għadu," qalet Caruana DIngli.
Nicole Borg
14:38 Hi u twieġeb mistoqsija ta' Borg Cardona, ix-xhud qalet li l-aktar li kien ikidd lil Caruana Galizia kien kif dan kollu kien isir fil-miftuħ u kien ibbażat mill-OPM.

"Il-Prim Ministru kien qed jissapportja dan kollu għax ħallih jibqa' onlajn," qalet ix-xhud.
Nicole Borg
14:36 Ix-xhud tirreferi għall-blogg ta' Glenn Bedingfield f'Mejju tal-2016. Caruana Dingli qalet li Caruana Galizia kienet marret tiekol il-Belt Valletta f'nofsinhar u kien hemm żewġ irġiel li kienu qed joħdulhom il-filmati u r-ritratti. Dawn spiċċaw fuq blogg ta' Bedingfield qalet Caruana Dingli. Żiedet tgħid li spiċċaw jagħmluha impossibbli li dawn joħorġu mingħajr ma jkunu osservati.
Nicole Borg
14:34 "Sal-2016, l-attakki nbidlu. Hi ħassitha wkoll," qalet Caruana Dingli.

Hi spjegat li meta l-għadu kien ġurnalist, il-pressjoni kienet tkun differenti minn meta kellha taffaċċja lill-Gvern. "Ma jibqax jirnexxielek tifhem il-kobor u l-poter tal-għadu. Xi ħaġa intimidanti," qalet Caruana Dingli.
Nicole Borg
14:32 Ix-xhud spjegat li huma kienu jieklu flimkien regolarment u ġieli kienu anke joħorġu għall-kafè flimkien. Hi qalet li meta kienu joħorġu fil-passat ħadd ma kien josservahom, iżda maż-żmien din inbidlet.

"Kienu joħdulna r-ritratti. Minħabba li kont ħabibitha kont nispiċċa fin-nofs jiena wkoll," qalet Caruana Dingli lill-Bord.
Nicole Borg
14:31 Caruana Dingli kienet ħabiba kbira ta' Daphne Caruana Galizia għal madwar 30 sena. Qalet li fl-aħħar jiem qabel ma nqatlet, ir-reazzjoni tal-pubbliku għal xogħolha kienet iggravat.
Nicole Borg
14:28 Tibda tixhed Petra Caruana Dingli.
Nicole Borg
14:26 "Jidher li hawn problemi ta' misoġenija f'Malta. Partikolarment ta' ġurnalisti nisa li jippruvaw iżommu uffiċjali pubbliċi kontabbli," qalet Vella.
Nicole Borg
14:23 Vella qalet li wara li għadda ż-żmien, il-kelma saħħara ġiet trasformata f'konotazzjoni negattiva li tiddeskrivi persuna xiħa, kerha u li tuża l-maġija. Vella spjegat li sabet obitwarju miktub mill-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Tony Abela fejn it-terminu ntuża b'mod negattiv.
Nicole Borg
14:20 Vella tibda tixhed. Hi ppreżentat ir-riċerka li għamlet hi. Ritratt imbagħbas li fuqu kien hemm wiċċ Daphne nstab fuq il-profil ta' Facebook ta' Neville Gafà.

"Ma stajtx insib posts maħruġa aktar kmieni," qalet Vella lill-Bord tindika li Gafà kien l-ewwel wieħed li ħariġha.

Dwar it-tabella "is-saħħara tal-Bidnija", hi qalet li din intużat f'artiklu ta' Lino Cassar li deher fuq it-Torċa. Hi spjegat li Cassar kienu uża dan it-terminu mil-lat pożittiv.
Nicole Borg
14:17 Il-Bord ta' Inkjesta qal li filwaqt li ma joġġezzjonax għall-preżenza tal-Avukat Ġenerali waqt ix-xhieda pubblika, għandu dritt li jippermetti li xhud jixhed bil-bibien magħluqa. Qal li dan sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-inkjesta. L-eks Imħallef Mallia qal li hija deċiżjoni tal-Bord jekk l-Avukat Ġenerali jitħalliex jibqa' hemm jew le.

Intqal li Corinne Vella riedet tippreżenta dokumenti li kienet tkellmet dwarhom f'seduti preċedenti.
Nicole Borg
14:16 Il-Bord tal-Inkjesta jidħol fl-awla.
Nicole Borg
14:05 Merħba lilkom minn Awla 20. L-avukati, ġurnalisti u membri tal-pubbliku diġà jinsabu fl-awla.
Nicole Borg

Il-Bord ta’ Inkjesta, magħmul mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, li huwa wkoll iċ-Chairperson tal-Bord, flimkien mal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

L-avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Andrew Borg Cardona qed jidhru f’isem il-familja.

Xi spikka fl-aħħar seduta?

  • Bedingfield kien hu li talab biex jixhed
  • Akkuża lil Peter Caruana Galizia li gideb taħt ġurament
  • Jgħid li kiteb kontra Daphne bl-istess qawwa li kienet tuża hi
  • Jiċħad li ħoloq klima biex tinqatel Caruana Galizia
  • L-MP jgħid li rċieva theddid ta’ bombi
  • Bedingfield jgħid li se jiftaħ blogg ieħor fil-ġimgħat li ġejjin