Ħażin li jkun hemm eżamijiet alternattivi għall-Malti għad-dħul fl-università – entitajiet tal-Malti

view of maltese narrow streets with balconies and cathedral in Sliema city in day, Malta

Read in English.

Mhux sew li jkun hemm eżamijiet alternattivi għall-Malti għad-dħul fl-università skont għadd ta’ entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-Malti u l-Ingliż.

Fi stqarrija, 12-il entità rreaġixxew għad-dokument “Il-Politika Nazzjonali tat-Tagħlim tal-Malti bħala Lingwa Barranija fil-Qafas tal-Bilingwiżmu u l-Plurilingwiżmu 2019” ippubblikat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni.

L-entitajiet qalu li huwa important li jinżamm bilanċ bejn il-Malti u l-Ingliż tul il-proċess edukattiv. Qablu wkoll mad-dokument li jgħid li l-ebda student m’għandu jiġi eżentat mit-tagħlim tal-Malti.

“Aħna naqblu li t-tfal/l-istudenti migranti (b’żewġ ġenituri/kustodji mhux Maltin) ikollhom l-opportunità u r-riżorsi biex jitgħallmu l-MLB. Iżda ma nistgħux naqblu mal-punt imsemmi f’paġna 9 li “għat-tagħlim tal-MLB għandhom jiġu rreġistrati tfal/studenti migranti, u jekk jixtiequ, tfal/studenti li għandhom xi ħadd mill-ġenituri/kustodji b’karta tal-identità mhux Maltija” u lanqas ma’ dak li jingħad f’paġna 10, li “it-tfal migranti, jew dawk li jkollhom ġenitur wieħed b’karta ta’ identità mhux Maltija, qabel jidħlu fit-tielet sena tal-primarja (fl-età ta’ 7 snin) għandu jiġi determinat permezz tal-assessjar jekk jeħtiġux lezzjonijiet fl-MLB jew fil-Malti.” U dan għaliex tfal/studenti b’ġenitur/kustodju Malti wieħed u li qed jgħixu f’Malta għandhom il-kuntest ideali biex il-Malti jitgħallmuh u jistudjawh bħala lsien nattiv u xorta jaslu għal bilingwiżmu integrattiv b’għarfien xieraq taż-żewġ lingwi.”

“Id-dokument isemmi wkoll iċ-ĊES fil-MLB imma ma jagħti l-ebda indikazzjoni jekk iċ-ĊES fil-MLB u “l-eżami tal-Malti” jiswewx indaqs, jiġifieri jekk għandhomx l-istess livell fl-iskala tal-MQF. Aħna ma naqblux li dawn iż-żewġ eżamijiet ikunu jiswew indaqs għaliex min-natura tagħhom mhux se jkollhom l-istess livell ta’ għarfien. Id-dokument lanqas jindika jekk student bil-MLB fil-Livell Ordinarju hux se jitħalla, bis-saħħa ta’ din il-kwalifika, ikompli l-istudju tal-Malti Intermedju jew Avvanzat, ħaġa oħra li dwarha ma naqblux.”

L-entitajiet qalu li fil-qofol tagħha, din il-politika lingwistika hija tajba u ta’ ġid għall-iżvilupp sħiħ tal-istudenti Maltin u barranin li jgħixu Malta.

Min hunma l-firmatarji?

  • Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti
  • Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università
  • Id-Dipartiment tal-Ingliż tal-Università
  • Id-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College (UM)
  • Id-Dipartiment tal-Ingliż tal-Junior College (UM)
  • L-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa (UM)
  • L-Akkademja tal-Malti
  • L-Għaqda tal-Malti – Università
  • L-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti
  • L-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti
  • Inizjamed
  • L-Għaqda Poeti Maltin

Tinfetaħ konsultazzjoni pubblika dwar it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija