“Ħażin li jidderieġu Għawdex il-Maltin”; “Xogħol f’Malta impossibbli bil-vapur”

Għawdxin qalu li mhux sew li jiżdiedu l-Maltin f’Għawdex minħabba l-mina biex imbagħad jispiċċaw jidderieġu l-gżira huma. Oħrajn favur il-mina bejn Malta u Għawdex qalu li huwa impossibbli li wieħed ikollu xogħol tajjeb f’Malta imma li jkollu jaqsam bil-vapur.

Transport Malta ordna li jsir Social Impact Assessment biex jiskopri aktar x’jaħsbu n-nies dwar il-proposta ta’ mina bejn Malta u Għawdex. Newsbook.com.mt akkwista kopja ta’ dan ir-rapport permezz ta’ Freedom of Information Request.

Id-data għall-istudju nġabret bejn Diċembru tal-2016 u Frar tal-2017. Ir-rapport sab li partijiet interessati f’Għawdex huma fil-maġġoranza assoluta tagħhom favur il-mina. Xi nies li ġew intervistati jinkludu residenti Għawdxin, studenti Għawdxin jistudjaw f’Malta, u negozjanti Għawdxin. Dawn ma ntgħażlux b’mod għall-għarrieda (non-random).

X’qalu n-nies?

Jekk ikun hawn mina, lira minn Malta tasal iżjed malajr hawnhekk – Resident Għawdxi

It-tifel jixtieq jidħol mediċina jew għal spiżjar, impossibli jmur u jiġi kuljum bil-vapur…il-familja tinfired hekk, bilkemm tarahom lit-tfal – Resident Għawdxi

Ma tistax taħdem fi gżira fejn bejn il-Ħadd filgħaxija u l-Ġimgħa filgħodu kullimkien baħħ – Negozjant Għawdxi

Jien ngħid li għandu jkun hemm liġi li ma tippermettix li jsir bini fl-ODZ għax inkella ma ssirx il-mina – Negozjant Għawdxi

Ħafna studenti joqgħodu ġo appartamenti f’Malta…wara ftit jispiċċaw joqgħodu hemmhekk anki fi tmiem il-ġimgħa u fis-sajf, għax jaqtgħu qalbhom mit-traġitt – Resident Għawdxi

Jekk trid timxi ‘il quddiem trid tkun Malta. Kemm se ddum nieżel u tiela’ Għawdex bil-vapur? Impossibli jkollok xogħol tajjeb Malta u tuża’ l-vapur. Kieku għandna triq, kieku soqt u wasalt malajr. La riħ, la xita, la kju għall-vapur, xejn ma jtelfek – Resident Għawdxi

Il-businessman Għawdxi moħħu jaħdem mat-timetable tal-vapur. Ikollok titlaq ħesrem minn meeting għax se titlef il-vapur, dejjem qalbek ittaqtaq jekk mhux se tiġik tajba – Negozjant Għawdxi

Għawdex magħluq wisq, dejjem l-istess nies, u dawk li jaħdmu fil-komunità ma jistgħux ilaħħqu ma kollox…għandna bżonn żgħażagħ li jaħdmu hawnhekk u joħorġu b’ideat ġodda – Resident Għawdxi

Jien m’għandi xejn kontra l-Maltin imma lanqas m’hu sew li dawn jiżdiedu b’tali mod li jibdew jidderieġu huma, u aħna ma nkunux nistgħu nibqgħu ngħixu kif konna – Diversi residenti Għawdxin

Malli professjonist Għawdxi jsib xogħol Malta, għax hawn ma tantx hawn fejn taqla’ l-flus, jibda jinduna kemm jaħli ħin tiela’ u nieżel, jixtri post Malta u ma tarahx iżjed – Resident Għawdxi

Aħna għandna qraba joqgħodu Malta li ma nistgħux ingawduhom. Il-ħin prezzjuż, daqs kemm taħli ħin tistenna l-vapur. Jien inħossni nonqoshom imma għandi idejja marbutin -Resident Għawdxi

Aħna nitħajru niġu noqgħodu Għawdex…naħdem il-Qawra, żewġi jaħdem il-Mellieħa. Minn Għawdex sal-Mellieħa u sal-Qawra ma hawnx bogħod, imma bil-vapur, speċjalment fix-xitwa ma għandhekx ċans! Il-vapur inħallieh jien, imma mina għandha ssir – Persuna Maltija b’ID Card fuq Għawdex

Jekk qed naħsbu li l-Maltin ġejjin bi ħġarhom joqgħodu Għawdex jekk ikun hemm mina sejrin żbaljati. Daqskemm huma sbieħ iż-Żurrieq u l-Baħrija xorta ħafna Maltin ma jmorrux joqgħodu hemmhekk. Min għax ‘il bogħod minn familtu, min għax jixtieq joqgħod viċin fejn trabba – Resident f’Malta

Rigward il-fatt li se jiżdied it-traffiku bil-mina, jien ma naqbilx miegħu, għax hawn it-traffiku jkun ħażin biss meta l-karozzi jiġu kollha f’daqqa mill-vapur għar-Rabat. Bil-mina t-traffiku se jkun iżjed bil-mod. U se jkun hemm in-noll ukoll, mhux qed nistenna li se jkun hawn persuni li se jużaw il-mina għal xejn b’xejn għax trid tħallas – Negozjant Għawdxi

Jien imħasseb ħafna dwar it-terrapin u l-ħmieġ li se jinqalgħu biex tinbena l-mina, x’se jsir minnu dan il-blat, se nħammġu kullimkien?…Ma tantx jien ferħan li se mmissu taħt il-bahar, jien naħseb li x-xogħolijiet li se jsiru se jaffettwaw il-ħut tal-madwar, speċjalment dawk l-iskossi kollha. Nagħmluha l-mina imma l-ewwel naraw li l- infrastruttura tkun tiflaħ għal iżjed parking u karozzi – Diversi residenti Għawdxin.