“Ħażin l-abbuż tal-poter bl-iskuża tan-negozju”

Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li hu ħażin li min jabbuża mill-poter biex jippromwovi u jiffaċilita attività kriminali, jagħmel dan taħt l-iskuża “li huma favur in-negozju”.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ kienet qed tirreaġixxi għad-diskors tal-President George Vella f’Jum ir-Repubblika. Enfasizzat li taqbel mal-President meta qal li “Malta hija akbar mill-klikka li ġabet dan l-għajb fuqha”. Dan b’referenza għall-kriżi politika li ddominat Malta fl-aħħar ġimgħat bl-iżviluppi ġodda dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ir-riżenja ta’ Ministru, taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-Prim Ministru nnifsu.

il-Kamra żiedet tgħid li bħall-President tittama li dawk kollha involuti jerfgħu r-responsabbilità għall-imġiba tagħhom u jpattu għal dak li għamlu għax dak li għamlu qatt ma jista’ jiġi ġustifikat.

Fl-aħħar snin il-Kamra tal-Kummerċ esprimiet pubblikament u privatament li t-twemmin tagħha imsejjes fuq tliet pilastri:il-kontabilità, t-trasparenza u s-saltna tad-dritt (rispett lejn il-liġi). Żiedu li huma jipprovdu kontribut attiv u l-appoġġ tagħhom biex issir ir-riforma meħtieġa sabiex dawn it-tliet pilastri jerġgħu jibdew jitħaddnu f’Malta.

Fil-jiem li ġejjin il-Kamra tal-Kummerċ se tkun qed tiltaqa’ mal-President George Vella sabiex twassal it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni preżenti ta’ Malta.