​“Ħażin jekk moħħna fil-Ġimgħa l-Kbira u ninsew il-kalvarju tas-Sirja” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li jaraha stramba kif bħalissa fil-gżejjer Maltin, hawn eluf ta’ persuni moħħhom fit-tħejjijiet għall-Ġimgħa l-Kbira, u ma jagħtux każ tal-kalvarju f’Damasku, fejn qed jissallbu nies innoċenti. 
F’ittra li ħareġ lill-poplu t’Alla dwar it-traġedja li għaddej minnha l-poplu Sirjan, l-Isqof Grech jitkellem dwar is-Sirja, li l-Papa Franġisku sejjaħ bħala “il-laboratorju tal-krudeltà”. 
L-Isqof Grech saħaq li l-gravità ta’ dawn l-attakki fis-Sirja hija aktar serja meta wieħed iqis li qed jiġi injorat il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, li fl-24 ta’ Frar approva riżoluzzjoni biex jieqaf il-ġlied. 
"Ħames snin fi stat ta' assedju"
Spjega kif fis-Sirja ngħalqu l-kurituri li minnhom kienet titwassal l-għajnuna umanitarja lin-nies ċivili, li għal dawn l-aħħar ħames snin qed jgħixu fi stat ta’ assedju. 
Ikkwota wkoll rapporti tal-BBC li jgħidu li xi rappreżentanti tal-Ġnus Magħquda nqabdu jabbużaw sesswalment minn nisa li jersqu għandhom jittallbu l-ikel u għajnuniet umanitarji oħra.
"Spiċċaw mingħajr tobba biex jikkuraw il-feriti"
L-Isqof Grech kompla jgħid li l-qagħda fis-Sirja qed tikkumplika ruħha għax ħafna nies qed jaħarbu mill-pajjiż fejn s’issa telqu mat-tnax-il miljun ruħ. Dan wassal biex telqu wkoll it-tobba u b’hekk dawk li jindarbu fil-gwerra ma jistgħux jiġu kkurati.
Żied jgħid li laqa’ bil-ferħ l-aħbar li l-President Russu, appoġġjat mill-Istati Uniti tal-Amerika u mill-Komunità Ewropea, talab biex ikun hemm waqfien mill-ġlied għal ħames sigħat kuljum biex jitwasslu l-għajnuniet umanitarji.
"Ejja noffru l-għajnuna lis-Sirjani li hawn fostna"
Lejn l-aħħar tal-ittra tiegħu, l-Isqof Mario Grech għadda biex isellem lis-Sirjani li hawn fil-gżejjer Maltin u qal li japprezza lil dawk li “laqgħuhom” u offrewlhom l-għajnuna. 
Hawnhekk ħeġġeġ lill-komunita Nisranija tagħna biex f’dan ir-Randan tagħmel ġesti ċkejkna ta’ mħabba ma’ ħutna s-Sirjani.
Qal li għalkemm fiżikament jinsabu f’artna, moħħhom huwa tqil u qalbhom feruta minħabba t-tbatija atroċi li għaddejjin minnhom il-familji tagħhom, ħbiebhom u ġenshom.