“Hawnhekk il-post fejn kulħadd huwa verament l-istess”

Fit-tifkira tal-mejtin kollha l-Arċisqof iċċelebra quddiesa fil-kappella taċ-Ċimiterju tal-Addolarata, “il-post li fih kulħadd huwa verament l-istess.”
Fir-riflessjoni tiegħu, Monsinjur Scicluna qal li t-tifkira tal-lum ma għandhiex issewwed qalb in-Nisrani.
“It-tifkira tal-lum għandha tfakkarna fix-xirka li tgħaqqadna ma’ ħutna li għamlu l-pass qabilna.”
B’referenza għall-Evanġelju mill-kapitlu 6 ta’ San Ġwann, l-Arċisqof qal li r-rieda tal-Missier hi li ma jintilef xejn mill-komunità li hu ħalla f’idejn ibnu Ġesù Kristu.
“Ir-rieda tal-Missier hija li kulħadd iduq il-benna tal-ħajja ta’ dejjem.”
L-Arċisqof kompla jgħid li l-bniedem ma jista’ qatt jifhem il-ħajja ta’ dejjem imma “tgħaqqadna fidi li hija bbażata fuq il-kliem ta’ Ġesù.”
Fakkar li n-Nisrani barra li jiċċelebra bi kbir il-festa tat-twelid ta’ Ġesù, jiċċelebra wkoll il-passaġġ tiegħu mill-mewt għall-ħajja.
“Hawn huwa post fejn kulħadd huwa verament l-istess. Hawnhekk tgħaqqadna t-tama. It-tama li s-salib ta’ Ġesù huwa salib rebbieħ,” kompla l-Arċisqof.
Qal li iżjed ma wieħed jemmen fil-ħajja ta’ dejjem iżjed ikollu kuraġġ igawdi l-ħajja fuq l-art, anke billi jiddedikaha għal ġid ta’ ħaddieħor.
Fakkar li San Ġorġ Preca kien jieħu d-dixxipli tiegħu fiċ-Ċimiterju u jgħidilhom: “Ħa neħodkom fil-villa.” Spjega li dan kien mod konkret kif jurihom il-missjoni tagħhom, jiġifieri li juru s-sbuħija tal-ħajja għax għandha perspettiva wiesgħa, dik tal-ħajja ta' dejjem.
Tista' tara l-quddiesa sħiħa fuq il-Youtube channel tal-Knisja f'Malta.

Ritratt: Ian Noel Pace