Filmat: “Hawnekk jien rajt u ħassejt il-providenza”

Għal dawn l-aħħar 38 sena, is-soru Gesuina qalet li rat b’għajnejha u ħasset il-providenza t’Alla waqt il-ħidma tagħha fid-Dar tal-Providenza.
Hi tgħid kif fil-bidu, meta d-dar kienet għadha qed tinbena, kemm-il darba kienu jinqabdu mingħajr flus u riżorsi sabiex iħallsu l-pagi jew jitimgħu lir-residenti.
Is-soru Gesuina tgħid kif meta kien jiġri dan kienet tinżel għall-irkubtejha fil-knisja u titlob bi ħġarha u minn hemm kienet tibda tara d-donazzjonijiet deħlin.
Hi u tirrakkonta spjegat kif darba minnhom żewġ tfajliet daħlu u saqsew għall-Monsinjur. Huma tawh envelope fejn fih kellu eżatt l-ammont ta’ flus li kellu jagħti f’pagi.  “Hawnekk jiena rajtha u ħassejtha l-providenza,” saħqet is-soru Gesuina.
Għandi 77 imma magħhom inħossni żagħżugħa ta’ 17-il sena”
Minkejja li għadha 77 sena, is-soru Gesuina tgħid kif waqt li tqatta’ l-ħin mar-residenti tad-Dar tal-Providenza tħossha żagħżugħa.
Hi spjegat kif kull filgħodu takkumpanja lir-residenti sabiex jagħmlu s-sodod tagħhom u tgħid kif resident partikolari jibda jinkiha billi jitfilha d-dawl u jitlaq jiġri, imbagħad jiġi lura sabiex ikomplu x-xogħol tagħhom.
Is-sorijiet tal-karità ta’ Santa Marija Giovanna Antida Turrett ilhom jagħmlu dil-missjoni tagħhom għall-aħħar 50 sena.
Kun inti ukoll parti mill-providenza nhar l-Ewwel tas-Sena billi tagħti donazzjoni għall-Festa ta’ Ġenerożità li se tgħin lir-residenti tad-Dar tal-Providenza biex ikollhom ħajja aktar indipendenti.
Għal donazzjoni ta’:
€10 ċempel fuq 516 02 012
€15 ċempel fuq 517 02 013
€25 ċempel fuq 518 02 014
Ritratt: Dar Tal-Providenza Facebook