“Hawn nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-morning after pill”

Dr Miriam Sciberras, iċ-Chairperson tal-Life Network Foundation saħqet li hawn ħafna nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-morning after pill (MAP).
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Sciberras saħqet li rridu noqogħdu attenti li ma ninġarrux mal-kurrenti li hawn fil-pajjiżi ta’ madwar Malta, fejn il-valur tal-ħajja jitqies bħala ħaġa li tixtieqha jew le. Sostniet li dan jista’ jwassal għall-abort.
Spjegat li dan joħroġ minn diversi studji li jiġġustifikaw l-abort f’każijiet ta’ stupru, diżabilità u inċesti.
Aktar kmieni Dr Sciberras esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha dwar dak li qal iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċina dwar il-morning after pill (MAP).
Sostniet li meta qal li l-MAP m’għandhiex x’taqsam mal-abort, il-Prof. Anthony Serracino Inglott kien irresponsabbli.
“Id-dritt tal-mara jibda u jispiċċa sakemm ikun fuq ġisimha”
Miriam Sciberras saħqet li d-dritt tal-mara jintemm sakemm ikun fuq ġisimha. “Meta hemm ħajja oħra involuta ma jibqax dritt tal-mara”, kompliet tgħid.
Qalet li l-argumenti ta’ dawk dwar id-dritt tal-għażla tal-mara huma l-istess ta’ dawk li huma favur l-abort.
“Jekk inxellfu l-protezzjoni tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt, nibdew niġġustifikaw kollox”
Dr Sciberras qalet li sfortunatament qed ngħixu f’soċjetà li qed nirraġunaw fuq konvenjenza.
Żiedet tgħid li jkun ta’ dieqa li nibdew naraw il-ħajja bħala inkonvenjenza u saħqet li dan ikun rigress.