“Hawn min jibqa’ ma jimmaturax” – L-Isqof t’Għawdex

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li fis-soċjetà hawn “min jibqa’ ma jimmaturax”, kategorija li jsib ruħu fiha kulħadd, inkluż “is-saċerdoti u l-isqfijiet”.

Dan qalu nhar it-Tlieta waqt li ċċelebra l-għeluq tas-Sena ta’ formazzjoni tas-seminaristi ta’ Għawdex.

F’quddiesa fil-Kappella tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù fir-Rabat Għawdex, l-Isqof Grech qal li wieħed jipprova jkun aħjar milli hu, ma jfissirx li hu perfezzjonist. Sostna li s-sejħa ta’ Ġesù biex il-bnedmin ikunu perfetti kif huwa perfett il-Missier hi stedina biex fil-ħajja jkollom ideali għolja u mhux aspettattivi baxxi.

Din l-aspirazzjoni, tenna l-Isqof, titlob minn kull bniedem li jaħdem fuqu nnifsu “biex maż-żmien ikun komplut jew sħiħ”, u dan huwa proċess mifrux tul il-ħajja kollha.

Dan kollu, saħaq Mons. Grech, jgħodd ukoll għas-seminarista, li hu s-saċerdot futur, u li allura, megħjun mis-superjuri u dawk li jiffurmawh, irid jaħdem biex jimmatura umanament, spiritwalment, akkademikament u pastoralment. Jekk ma jfittixx li jsir iktar ‘perfett’ f’dawn l-erba’ dimensjonijiet, “hemm riskju serju li jkun saċerdot ta’ nofs kedda”.

Hawn l-Isqof ta’ Għawdex stieden lis-seminaristi biex jagħmlu eżami tal-kuxjenza u jaraw fejn kibru u fejn intefgħu lura. Għal eżami simili stieden ukoll lil-lekċerers, lill-ġenituri u lill-komunitajiet parrokkjali, biex ma jiġrix li, bla ma jridu, ikunu “influencers negattivi li jħottu l-programm ta’ formazzjoni propost mis-Seminarju”.

Li wieħed jipprova jkun ‘perfett’, temm jgħid l-Isqof, ifisser li jħalli lil Alla jaħdem fih u jagħmlu sħiħ, u għalhekk dan il-proċess ta’ maturita għandu jkun assolutament akkumpanjat b’ħajja spiritwali intensa.

Għall-quddiesa, barra l-komunità tas-Seminarju, kienu preżenti l-familjari tas-seminaristi.

Matul din is-Sena ta’ formazzjoni, il-komunità tas-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex kienet iffurmata minn 11-il żagħżugħ, disa’ seminaristi u żewġ propedewtiċi, waqt li tnejn oħra kienu qed jagħmlu esperjenza pastorali barra minn Malta. Wieħed minnhom, fl-14 ta’ Ġunju, ġie ordnat djaknu.