“Hawn min baqa’ ffossilizzat” – l-Isqof Grech jappella għal lingwaġġ ġdid

L-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, qal li hawn min baqa’ ffossilizzat fil-passat u m’addattax il-lingwaġġ għall-ħajja tal-lum. Huwa stqarr li “l-Vanġelu jibqa’ Vanġelu, id-duttrina tibqa’ d-duttrina, imma l-mod kif inwassulhom għandu jadatta ruħu maż-żmien”.

Filwaqt li talab għal aktar vokazzjonijiet, l-Isqof Grech qal li hemm bżonn li l-Knisja toħroġ mhux biss fil-pjazez man-nies iżda wkoll toħroġ mill-iskemi tal-imgħoddi. Stqarr ukoll li qegħdin f’era ġdida u kkwotata lill-Papa Franġisku li jgħid li “ninsabu mhux f’epoka ta’ tibdil imma f’tibdil ta’ epoka”.

Huwa qal dan fl-Omelija fil-Velja ta’ Għid il-Ħamsin, f’quddiesa fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, fil-Belt Victoria.

Issa wasalt biex nispiċċa, imma pastoralment ninkwieta qatigħ meta fi ħdan l-Appostli tal-lum nara li hawn min baqa’ ffossilizzat fl-iskemi tal-imgħoddi u ma ntebaħx li hemm bżonn nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jagħtina lingwaġġ ġdid.

L-Isqof Grech jistqarr li lis-seminaristi kien iħeġġiġhom biex kemm jistgħu jitgħallmu lingwi differenti, għax jekk ma jkollokx din l-“għodda”, la tkun tista’ tifhem lil dawk ta’ madwarek u lanqas tfehemhom.

Appella lil dawk kollha li għandhom il-vokazzjoni biex iħallu lill-Ispirtu s-Santu jgħallimhom il-lingwaġġ ta’ Alla li huwa lingwaġġ ta’ mħabba, mogħdrija, maħfra, ħniena. Sostna li Knisja li ma titkellimx il-lingwaġġ ta’ Alla, ma jibqgħalha ebda skop u allura titqies bħala NGO fost l-oħrajn. Huwa qal ukoll li “forsi huwa proprju għax il-Knisja (lokali) ma titkellemx il-lingwaġġ ta’ Alla li aħna fejn aħna, anki f’dak li għandu x’jaqsam man-nixfa tal-vokazzjonijiet”.

Huwa qal dan peress li fl-Atti tal-Appostli naqraw li dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin, wara li l-Appostli mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu, huma bdew jitkellmu b’ilsna oħra skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. Fisser kif f’dawn il-kitbiet, l-appostli kellhom żewġ doni, dik li jikkomunikaw b’lingwi differenti kif ukoll li jisimgħu u jifhmu lingwi differenti.

L-Isqof talab biex dawk li jgħallmu jispiraw ruħhom mill-Ispirtu s-Santu. Qal li jibża’ li fost il-qassisin “hemm ċertu għażż biex nifformulaw ħsieb u nikkomunikaw b’mod li l-Vanġelu jitlaħħam u jinkarna”.