​Awdjo: “Hawn mal-200 żiemel inxurjat fit-toroq Maltin” – Galdes

Fl-aħħar sena tnediet polza tal-assikurazzjoni għal sidien ta’ żwiemel li jinħarġu fit-toroq. Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittjiet tal-Annimali Roderick Galdes qal dan illum fil-programm ‘Ma Bundy’ fuq RTK.
Filwaqt li semma kif sa sena ilu ma kien hemm l-ebda regolamentazzjoni, llum diġà hemm mal-200 żiemel li huma inxurjati biex jinħarġu fit-toroq Maltin.
Fost l-oħrajn huwa aċċenna għall-inċident tal-lbieraħ fi Triq Ħaż Żebbuġ f’Ħ'Attard, fejn żiemel sfratta u miet wara li baqa’ dieħel f’karozza.
Is-Segretarju Parlamentari sejjaħ dan bħala inċident sfortunat. Sostna li ma jistax jiġi pprojbit li żwiemel qatt ma jinħarġu fit-toroq.
Fl-istess waqt saħaq li kull min qed juża żiemel bħala mezz ta’ trasport fit-toroq, għandu joħroġ polza tal-assikurazzjoni.
Qal li fost dawk li għandhom assikurazzjoni, ma hemmx biss dawk li joperaw il-karozzini iżda hemm ukoll numru ta’ dilettanti oħra taż-żwiemel.