“Hawn karti tal-€50 foloz iduru fl-idejn”; kif tinduna?

Raġel qed iwissi l-pubbliku fuq il-midja soċjali sabiex joqgħodu attenti hekk kif hawn karti tal-€50 foloz iduru fl-idejn. Sostna li huma identiki għall-karti tal-flus oriġinali u saħansitra għandhom l-istess marki tal-fidda.

Fuq Facebook, ir-raġel spjega li dawn il-karti mhux faċli li wieħed jidentifikahom bil-ħars biss. Sostna li jekk wieħed jipprova jimmarka fuqhom b’marker ukoll ma jirnexxilux jidentifika d-differenza bejn waħda falza u oħra vera. Tenna li l-unika mod kif dawn jiġu identifikati hija mis-sinjali l-ħomor fit-truf tal-karta. Sostna li jekk dawn jinħassu, mela l-karta hija tajba, jekk le, il-karta hija ħażina.

Oqodu attenti aw il €50 foloz u huma identiki ghat tajbin ghandom water mark kif ukoll il fida u ghanki line tan nofs u…

Posted by Mario Camilleri on Friday, April 12, 2019

Aqra: Jonqos l-ammont ta’ flus foloz fl-idejn f’Malta

Kif tinduna liema huma l-flus foloz u liema huma veri?

Intant, matul is-snin, il-Bank Ċentrali ta’ Malta dejjem wissa lill-pubbliku sabiex dejjem joqgħod aktar attent meta jagħmel tranżazzjoni bi flus kontanti. Fi stqarrija, il-Bank Ċentrali kien spjega li permezz tat-test FEELLOOKTILT, wieħed faċilment jagħraf karta ġenwina minn waħda falza. Tista’ ssib spegazzjoni ta’ dan it-test fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali Ewropew.

  1. Meta l-flus jiġu pprintjati, ikollhom bosta karatteristiċi speċifiċi, il-print infatti tkun tinħass imbuzzata. Meta tħoss il-karta, fuq quddiem hemm numru ta’ linji fuq it-truf fil-lemin u x-xellug li jkunu imbuzzati. Il-partijiet l-oħra li jkunu imbuzzati ‘l barra huma l-istampa tan-nofs, l-ittri, kif ukoll in-numru l-kbir.
  2. Meta tpoġġi l-karta kontra d-dawl, tidher dik li jsejjħulha watermark, stampa li kontra d-dawl ma tidhirx. Magħhom wkoll l-istrixxa tas-sigurtà tibda tidher aktar ċara. F’din l-istrixxa, wieħed ikun jista’ jara linja skura li fuqha, hemm immarkat bl-abjad, is-sinjal tal-ewro u l-valur tal-karta.
  3. Ċaqlaq il-karta f’pożizzjonijiet differenti tal-karta tal-bank. Fiha tidher l-istrippa kulur il-fidda fejn ikun hemm moħbija l-immaġni ta’ Europa, li meta kontra dawl differenti tibda tidher aktar ċara. In-numru li jkun hemm isfel tal-karta jibda wkoll jirrifletti d-dawl.

Tista’ tara f’aktar dettall minn hawn.

Aqra: Kif tinduna b’karti foloz tal-ewro?

X’tagħmel jekk issib karta falza?

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta fakkar li kull min jirċievi karti suspettużi għandu jċempel lill-Pulizija fuq 2294 2120 jew lill-Bank Ċentrali ta’ Malta fuq 2550 6012/3, inkella jibgħat imejl lill-Bank fuq nccmt@centralbankmalta.org. Il-Bank saħaq li huwa disponibbli li jagħti sapport lil kwalunkwe entità lokali li teħtieġ l-assistenza.

24% inqas fi flus foloz fl-2018

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta kien żvela wkoll li l-ammont ta’ karti foloz tal-flus irtirati fl-2018 kien ta’ 677, 24.2% inqas mis-sena ta’ qabel.

Bejn Lulju u Diċembru l-iktar li nstabu kienu karti tal-€20 u tal-€50. Ġiet irreġistrata żieda fil-karti tal-€50 u tnaqqis f’tal-€20. Il-karta tal-€50 kienet l-iktar famuża fost il-karti tal-flus foloz f’Malta kif ukoll fiż-Żona Ewro.