“Hawn 40 sit li fihom isir insib illegali” – CABS

CABS

L-għaqda CABS qalet li l-voluntiera tagħha identifikaw 40 sit li fi kliemha qed jintużaw għall-insib illegali tal-għasafar f’ħinijiet li mhumiex permessi skont il-liġi.  Il-CABS sostniet li dawn is-siti ilhom jintużaw għal tal-inqas tliet snin.

Irrappurtat li minn spezzjonijiet li saru matul il-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta, uffiċjali tal-CABS skoprew insib illegali tal-pluvieri u għasafar oħra notturni.

Il-CABS qalet li bl-atteġġjament tal-Gvern, qed juri li m’għandu l-ebda interess li jressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk il-persuni li jiksru r-regolamenti tal-insib. Iddeskriviet id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern li se jinfurza r-regolamenti dwar l-insib, bħala “wiegħdiet vojta u gidbiet sfaċċjati”.

L-uffiċjali tal-CABS rreferew ukoll għal rapport li sar lill-Pulizija dwar 5 persuni li kienu qed jippruvaw ibiegħu illegalment il-pluvieri fuq l-internet.  Qalet li dawn il-każi ġew riferuti lill-Pulizija, iżda għadu mhux magħruf jekk s’issa ġewx identifikati s-suspettati jew le.